Dati Storiċi

Dati Importanti fl-Istorja tas-Soċjetà Tagħna

1860– Twaqqfet l-Ewwel Banda Nazzjonali f’Malta. Din twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ minn Mastru Indri Borg. Wara xi żmien magħrufa ‘Societa Filarmonica del Zebbug’ aktar tard Banda De Rohan.

1864– Jiżżanżan l-ewwel Palk għall-Banda De Rohan

Statwa ta’ San Ġużepp Ħaż-Żebbuġ (c.1890)

1870– Il-Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Fl-istess sena tlestiet l-istatwa ta’ San Ġużepp għall-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, xogħol l-Istatwarju Ġlormu Darmanin.

1872– F’Marzu l-banda Filarmonica del Zebbug tieħu sehem f’dimostrazzjoni mill-antiformisti fil-Belt.

1893– F’Mejju tlesta u ġie mżanżan mill-Filarmonica del Zebbug il-palk tal-Banda magħruf bħala “L-Iskorfina”. Inħadem mill-imgħallem mastrudaxxa Filippu Vella u disinn tal-Perit Paolo Cassar Torregiani.

1897– F’Din is-sena f’Malta saru festi kbar fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja. Il-Banda De Rohan ħadet sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kemm fl-isfilata kif ukoll esegwiet programm mużikali fi Pjazza San Giovanni, il-Belt.

1898– F’Jannar il-Banda De Rohan akkumpanjat lil Dun Ġużepp Bonanno (Prokuratur tal-Festa 1916-1943) mid-dar tiegħu għall-Knisja Arċipretali biex jiċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu. Dun Ġużepp ħa l-ordinazzjoni tiegħu f’Diċembru 1897.

1901– It-Tlieta 11 ta’ Ġunju, Il-Banda De Rohan b’daqq ta’ Marċi Funebri minn ħdejn Bieb de Rohan (De Rohan Gate) sal-Knisja akkumpanjat il-funeral tas-Surmast Filippo Galea li kien President tal-Banda De Rohan.

 1903– Is-Surmast Orlando Crescimanno (Surmast Direttur mill-1902 sal-1906) irregala lill-Banda De Rohan l-“Inno per San Giuseppe”. Innu għall-Banda u l-kor, tenur u l-baxx. Innu famuż li għadu jindaqq sa llum.

F’din l-istess sena is-Soċjetà Filarmonica Rohan ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-Festi Ġubilari li saru f’Malta f’ġieħ il-Papa Ljun XIII. Il-Banda esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, fil-25 ta’ Mejju.

1904– F’din is-sena, s-Società Filarmonica Rohan kienet l-aħħar sena li ħadet sehem attiv fil-festa ta’ San Filep.

1905– Il-Festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju. Dan kien possibli b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X. Il-Ħadd 10 ta’ Ottubru s-Società Filarmonica Rohan iċċelebrat il-festa tal-‘Otto Settembre 1565’.

Is-Surmast Gaetano Emanuel Calì

1906– Il-Banda De Rohan żanżnet l-uniformi l-bajda. Din kienet tintuża għall-jiem tas-sajf. F’din is-sena saru l-erba’ anġli (puttini) bl-emblemi f’idejhom, li nsibu fuq il-bradella tal-istatwa ta’ San Ġużepp, xogħol Karlu Darmanin. L-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet indurata għall-ewwel darba għand Giovanni Busuttil u swiet 15–il Lira.

1907– Is-Surmast Taljan Gaetano Emmanuele Cali (Surmast direttur mill-1906 sal-1914) irregala lill-Banda De Rohan “Inno a San Giuseppe” innu b’ħames vuċijiet u kompożizzjoni mużikali bl-isem ta’ ‘Rohan’.

1908– Il-Banda De Rohan żanżnet l-uniformi ta’ lewn ikħal. Din kienet tintuża mill-Bandisti fil-jiem tax-Xitwa.

1909– Matul din is-sena s-Società Filarmonica Rohan kriet post fi Strada Reale flok l-ieħor li kellha qabel.

1910– Fuq Inizjattiva tan-Nobbli Antonio Zammit, President tas-Società Filarmonica Rohan, Prokuratur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp, twaqqaf ic-Circolo San Giuseppe. Aktar tard fl-1 ta’ Novembru tal-istess sena s-Società Filarmonica Rohan u ċ-Circolo San Giuseppe ngħaqdu uffiċjalment.

F’Diċembru ġie elett Prokuratur tal-festa Vincenzo Gioioso li jibqa’ mfakkar għar-rikors li kien għamel kontra għadd ta’ saċerdoti biex il-festa ta’ San Ġużepp tiġi ċċelebrata kif jixraq.

1913– F’April, iċ-Circolo San Giuseppe e Società Filarmonica Rohan ħadet sehem prominenti fil-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li nżamm f’Malta.

1916– F’din is-sena s-Soċjetà daħlet f’Każin ġdid li kien jinsab f’272 u 273 fi Strada Reale.

1920– Is-Soċjetà flimkien mal-Fratellanza organizzaw festi kbar ġewwa Ħaż-Żebbuġ biex jiġi mfakkar il-50 sena mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun Universali tal-Knisja.

1921– Is-Soċjetà flimkien mal-Fratellanza organizzaw festi kbar biex ifakkru il-61 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, Il-Banda Rohan. Dak iż-żmien Circolo San Giuseppe kien magħruf bħala l-Każin tal-Ħaddiema. Fil-fatt, f’April waħda mill-ewwel konferenzi organizzati mill-Partit tal-Ħaddiema (Malta Labour Party) inżammet fil-Każin tas-Soċjetà.

1922– Fi ħdan is-Soċjetà Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan twaqqfet is-Soċjetà “Mutuo Soccorso”. L-għan ewlieni ta’ din is-Soċjetà kien li jgħin lill-membri, lill-bandisti u lill-familjari tagħhom fil-bżonnijiet tagħhom.

F’dik l-istess sena tinbena l-ewwel Kamra tan-Nar tas-Soċjetà f’Wied Inċita.

1923– Jinxtraw Sett Qniepen Tubulari għall-Banda mingħand id-ditta Hawkes & Sons. Jaslu Malta f’Diċembru.

L-istatwa tal-Patroċinju ta’ San Ġuzepp

1924– Fl-20 ta’ Jannar is-Soċjetà kkommemorat l-64 anniversarju tal-Fondazzjoni tal-Banda Rohan. F’din iċ-ċerimonja kienu mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-Gvernatur Plumer u l-Prim Ministru Buhagiar. F’din il-kommemorazzjoni żżanżnu l-Qniepen Tubulari waqt il-Programm Mużikali.

Il-Banda De Rohan kienet mistiedna għall-Festa tal-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Vallette. Din l-okkażjoni ġiet deskritta hekk : “L-Omm tifraħ lill-Bint”.

1925– Inħadmet l-Istatwa l-kbira tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp magħrufa bħala l-erba’ Partijiet tad-Dinja.

1931– Fl-1 ta’ Frar is-sede tas-Soċjetà ġiet trasferita minn Triq il-Kbira għall- 18,19,20 Misraħ San Filippu. Dun Karm Psaila, aktar tard onorat bħala l-Poeta Nazzjonali, mexxa ċ-Ċerimonja tal-Konsagrazzjoni tal-Każin lill-Qalb ta’ Ġesu’. Għal din l-okkażjoni saret festa u ġie esegwit programm Mużikali fil-Pjazza tar-Raħal.

Għall-festi ta’ barra ta’ dik is-sena saret l-istatwa li tirrapreżenta l-‘Ħarba ta’ San Ġużepp u l-Madonna bil-Bambin’, xogħol Mastru Carm Mallia.

1932– Lejn l-aħħar t’Awwissu l-bandist tal-post Ġeraldu Farrugia ġie maħtur surmast direttur tal-Banda De Rohan. Hu żamm din il-kariga għal 38 sena.

1935– F’Mejju saru festi kbar f’għeluq il-25 sena Silver Jubilee tar-Re Ġorg V. F’dawn il-festi l-Banda De Rohan għamlet programm mużikali f’Misraħ San Filippu.

F’din is-sena sar il-Konċilju Reġjonali f’Malta li impona restrizzjonijiet ħorox fuq il-festi sekondarji.

Il-Banda De Rohan torganizza l-festa tal-Victory.

1937– F’Ħaż-Żebbuġ saru festi ta’ tifkira ta’ għeluq il-200 sena mit-twelid ta’ Dun Mikiel Xerri. Il-Banda De Rohan ħadet sehem f’dawn il-festi u esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.

1938– Fis-16 ta’ Ottubru, ġewwa Ħaż-Żebbuġ ġiet organizzata festa sabiħa għall-okkażjoni ta’ għeluq it-78 sena mit-twaqqif tal-Banda Rohan. Għal din il-festa ġew mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-Gvernatur ta’ Malta Adams Hunter. Ġie esegwit Programm Mużikali u wara ġiet ippreżentata Bandalora mill-Gvernatur lill-President, is-Sur David Camilleri. Il-finanzi għal din il-bandalora nġabru fuq inizjattiva tal-Prokuratur Dun Ġużepp Bonanno mill-membri u l-benefatturi tas-Soċjetà.

1942– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan iffesteġġjaw l-għoti tal-George Cross permezz ta’ programm Mużikali f’Misraħ San Filep.

1944– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan bdiet torganizza ta’ kull sena l-festa tal-Victory.

1945– Dun Karm Psaila, qassis Żebbuġi u Poeta Nazzjonali kiteb il-Kliem tal-Innu lil San Ġużepp.

1946– Fil-Festa ta’ San Ġużepp ta’ din is-sena żżanżan palk ġdid. Il-Banda de Rohan ħadet sehem fil-festi tar-rebħa.

1947– Il-Banda De Rohan ħadet sehem attiv fil-festi ċentinarji li saru f’Ħaż-Żebbuġ fl-okkażjoni ta’ għeluq il-100 sena mill-mewt tal-kbir patrijott Malti Mons. Franġisku Saverju Caruana. F’din l-okkażjoni l-Banda De Rohan, b’daqq ta’ mużika għall-okkażjoni mexxiet il-korteo minn ħdejn il-Bieb il-Ġdid fejn kien joqgħod Mons. Caruana, fejn Mons E.Galea kixef lapida kommemorattiva.

Il-kunċert li l-Banda De Rohan tellgħet fl-1946 fl-okkażjoni tal-Festa Nazzjonali

F’dik l-istess sena l-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ħa sehem fit-twaqqif tal-Għaqda tal-Każini tal-Baned.

Għall-festa ta’ din is-sena kien sar l-imsemmi ‘t-Tapit il-Kbir’, nar tal-art, armat fuq disa’ antarjoli ta’ 50 pied għoli. Biċċa xogħol li d-dilettanti tan-nar tas-soċjetà baqgħu margħufin għaliha.

1953– Il-Banda De Rohan ħadet sehem fl-isfilata tal-baned u għamlet programm fil-festi li saru għall-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.

1954– Fl-okkażjoni taż-żjara tar-Reġina Eliżabetta II f’Malta l-Banda De Rohan esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza Reġina l-Belt.

1958– Fi Frar s-soċjetà pparteċipat fil-Karnival ta’ Malta b’karru dekorattiv bl-isem ta’ Flying Fish. Kien suċċess u ntrebħu tliet premijiet, fil-kostum, fil-karru u fiż-żfin.

1959– Il-Banda De Rohan tilqa’ lill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-ajruport ta’ Ħal-Luqa u twasslu sal-Palazz tiegħu l-Belt.

F’din l-istess sena fil-festa ta’ San Ġużepp, il-Banda De Rohan żanżnet strumentatura ġdida.

1960– Jiġi mfakkar f’Marzu l-Ewwel Ċentinarju mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, Il-Banda De Rohan, f’ Ħaż-Żebbuġ isiru festi kbar biex jiġi mfakkar dan iċ-ċentinarju.

1962– L-istatwa ta’ San Ġużepp bdiet toħroġ u tidħol mill-bieb ewlieni taz-zuntier tal-Knisja u mhux mill-bieb tal-ġenb. Dan l-aġir stramb kien jiġri biss fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u mkien aktar f’Malta. Kienet l-aktar ħaġa kerha u nuqqas ta’ rispett lejn il-Patrun Universali tal-Knisja.

1964– Il-Banda de Rohan, fl-20 ta’ Settembru tagħmel marċ tul Triq ir-Rjali (illum Triq ir-Repubblika) fl-okkażjoni tal-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

1965– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan flimkien mal-Kunsill Ċiviku jfakkru r-raba’ ċentinarju tal-Assedju l-Kbir. Il-Banda De Rohan esegwiet programm mużikali f’Misraħ San Filippu Ħaż-Żebbuġ.

1970– F’din is-sena jsiru festi kbar f’Ħaż-Żebbuġ biex jitfakkar l-Ewwel Ċentinarju mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun Universali tal-Knisja. Għal dawn il-festi barra s-soltu sehem attiv tal-Banda De Rohan ġew mistiedna biex jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned Żebbuġin l-oħra, il-Banda San Filep u l-Banda 12 ta’ Mejju.

1976– Il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan jibda l-proġett tal-iżvilupp tal-Każin.

Il-Banda De Rohan, l-ewwel banda li ċċelebrat il-100 sena tagħha fl-1960.

1979– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan tgwaqqaf għall-ewwel darba f’Malta l-Kummissjoni Nisa Ġużeppini fi ħdan is-soċjetà.

Il-Banda De Rohan tieħu sehem fil-festi ta’ Jum il-Ħelsien.

1980– Il-Banda De Rohan tieħu sehem bi programm Mużikali fil-festi tas-600 sena mit-twaqqif ta’ Ħaż-Żebbuġ.

1982– Il-Banda De Rohan tirrappreżenta lill-Għaqda Każini tal-Baned b’kunċert Strumentali, fl-istitut Kattoliku.

1985– F’Lulju sar il-ftuħ uffiċjali tal-estensjoni tal-Każin mill-President tar-Reppubblika Agatha Barbara. Din is-sena kienet taħbat ukoll il-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda De Rohan u kien sar programm mużikali kbir taħt id-direzzjoni tas-surmast Lawrence Borg.

1986– Fl-okkażjoni tal-25 sena mill-mewt ta’ Dun Karm Psaila, Poeta Nazzjonali, fil-każin ittellgħet wirja u serata mużiko-letterarja. Is-sala ta’ fuq ġiet imsemmija “Sala Dun Karm” u fl-istess sala nkixef bust ta’ Dun Karm.

Sar il-ftuħ uffiċjali tal-Kamra tan-Nar ġdida f’Wied Qirda.

1989– Biex jitfakkar il-25 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza l-Banda De Rohan ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’dawn il-festi b’marċ fil-Furjana.

1990– F’Lulju tpoġġa f’postu l-frontispizju l-ġdid. Xogħol l-iskultur Żebbuġi Lawrence Attard.

1991– Ġie inawgurat arkivju ġdid mill-President Onorarju l-imħallef Joseph David Camilleri. Xogħol maħdum fil-ġewż mill-Mastrudaxxa Pawlu Azzopardi fuq disinn ta’ Lawrence Briffa mill-Birgu.

Il-Banda De Rohan rebbieħa tal-Konkors Bandistiku organizzat mill-Melita Cable fl-1993.

1993– Il-Ġimgħa 17 ta’ Diċembru se jibqa’ mfakkar fost l-aktar jiem storiċi fl-istorja tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan. F’dan il-jum, ġewwa t-teatru Manoel, il-Banda De Rohan taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Ronnie Debattista rebħet il-finali tal-Konkors Bandistiku organizzat mill-Ministeru tal-Kultura.

1994– Isem il-Banda De Rohan kompla jissaħħaħ matul din is-sena. Bħala rebbieħa tal-Festival il-Banda De Rohan ġiet mistiedna mill-Ministeru tal-Kultura biex tieħu sehem fil-Malta International Brass and Woodwind Festival, biex esegwiet programm mużikali fit-Teatro Manoel flimkien ma’ tlett baned barranin, tnejn Ġermaniżi u waħda minn Sqallija.

1995– Tfakkar kif kien xieraq b’akkademja Mużiko-Letterarja bis-sehem attiv tal-Banda de Rohan fil-Knisja Arċipretali, il-125 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġużepp fostna ż-Żebbuġin u minn meta San Ġużepp ġie pproklamat Patrun Universali tal-Knisja.

1997– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan fuq stedina tal-Kunsill Lokali ħadet sehem fil-ġemellaġġ li sar f’Agira

2000– Ġie mfakkar l-140 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, il-Banda De Rohan, għal din l-okkażjoni f’Misraħ San Filep ġie esegwit Kunċert Vokali u Strumentali. Għan-nom tal-membri l-President ta’ Malta u President Onorarju tas-Soċjetà l-Professur Guido De Marco ppreżenta bandalora lill-President tas-Soċjetà Frans Ghirxi. Il-Bandalora saret fuq disinn tas-Sur Ronnie Pisani u nħadmet minn Emmanuela Galea.

2003– Is-Soċjetà San Ġużepp u Banda De Rohan fakkret l-ewwel ċentinarju mill-mewt tal-fundatur tal-Banda de Rohan, OMM IL-BANED MALTIN, Mastru Indri Borg. Għal din l-okkażjoni sar Kunċert Mużikali fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali, il-Belt.

2006– Il-Banda de Rohan tellgħet Akkademja Mużikali fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ biex jitfakkar għeluq il-50 sena mindu tnediet il-festa ta’ San Ġużepp ħaddiem f’Malta.

2010– F’Jannar sar Marċ fil-Belt Valletta mill-Banda De Rohan flimkien mal-Banda L’Isle Adam tar-Rabat biex jagħtu bidu għall-festi tal-150 sena anniversarju.

Bandiera Ġdida rregalata mill-Kummissjoni Żgħażagħ.

Ġie inawgurat il-ktieb li jittratta l-istorja tas-Soċjetà, “Belt u Banda De Rohan”, tal-awtur Francis Galea. F’Lulju sar programm Mużikali biex jitfakkar il-150 sena anniversarju tal-Banda De Rohan u wara sar kxif ta’ Lapida mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Ġiet mikxufa lapida mal-ħajt tas-sit fi Triq l-Isqof fejn 100 sena qabel beda jingħata l-ewwel tagħlim tal-mużika għall-allievi tal-Banda De Rohan. Il-Lapida ġiet mikxufa waqt il-marċ tal-Ħamis mis-sur Nazju Abela, Chairman tal-Kummissjoni li organizzat l-attivitajiet tal-150 Anniversarju tal-Banda flimkien ma’ Patri Adrian Cachia OFM Kappillan tas-Soċjetà.

Il-Marċ tradizzjonali tal-Festa ta’ San Ġużepp intemm bit-tlugħ ta’ bandiera ġdida mal-arblu tal-każin tas-soċjetà li ġiet irregalata lis-Soċjetà mill-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini fi ħdan is-Soċjetà.

2013– Il-Banda De Rohan flimkien ma’ baned oħra ħadet sehem f’Mass Band permezz ta’ daqq ta’ innijiet waqt il-purċissjoni fl-okkażjoni tal-Festi speċjali tal-Ġublew tad-Deheb mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ San Ġużepp ix-xiħ.

Fl-istess sena, f’għeluq il-150 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Filep, il-Banda De Rohan tat is-servizzi tagħha permezz ta’ Mass Band maż-żewġ Baned l-oħra Żebbuġin f’Akkademja Mużiko-Letterarja fl-10 ta’ Mejju, kif ukoll fil-purċissjoni bl-istatwa fit-12 ta’ Mejju permezz ta’ daqq ta’ innijiet tal-okkażjoni.

Il-Kamra tan-Nar San Ġużepp rebbieħa tal-Festival tan-Nar tal-Art Mekkanizzat

2016– Il-kumpless tan-nar fi ħdan il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, rebaħ l-10 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li ġie organizzat fuq il-fosos tal-Floriana. Id-dilettanti tagħna rebħu ukoll il-kategorija għall-aqwa mekkaniżmu u l-kategorija għall-orġinalità fid-disinji u movimenti.

2017– F’Diċembru il-Banda De Rohan tgħaddi f’idejn is-surmast Tancred Grech wara l-mewt ta’ Mro. Ronnie Debattista.

2021 – Fit-8 ta’ Diċembru ttellgħet akkademja mużikali bl-isem ‘Patris Corde’ mill-Banda De Rohan. Din saret sabiex tiġi iċċelebrata l-150 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ. L-attività, li kienet pjanata sabiex issir fl-2020 ġiet trasferita għal-2021 minħabba l-pandemija tal-COVID19. Fl-istess serata żżanżnu u tbierku sett timpani u drum kit li inxtraw sabiex jintużaw mill-Banda De Rohan.

2023 – Fl-1 ta’ Mejju, Il-Banda De Rohan nediet album marċi brijużi fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Ġużepp tal-istess sena.

Scroll to top