Storja

L-istoriku Pietru Pawl Castagna fl-istorja tiegħu ta’ Malta ppubblikata fl-1888 kiteb hekk: “L-ewwel Banda Nazzjonali saret f’Ħaż-Żebbuġ mit-tant imsemmi Mastru Indrì Borg fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru.” L-istess kiteb ir-Reverendu Dun Salv Ciappara fil-ktieb tiegħu Storia del Zebbug e Sua Parrochia, pubblikat fl-1882. Kiteb li fl-1860 Ħaż-Żebbuġ ra l-bidu ta’ l-ewwel banda f’Malta.

 

Għall-bidu l-baned kienu jkunu magħrufa l-aktar bl-isem ta’ raħalhom, u fil-każ tagħna mhux xi eċċezzjoni. Kienet magħrufa bħala Societa Filarmonica del Zebbug (1).

L-Istatwa artistika ta’ San Ġużepp, xogħol Ġlormu Darmanin

F’dawn l-ewwel snin tal-ħajja tagħha l-Banda Rohan ġibdet l-ammirazzjoni tal-poplu Żebbuġi. F’dawk iż-żminijiet il-Banda Rohan kienet tieħu sehem f’diversi festi fir-raħal, fosthom fil-festa titulari ta’ San Filep (2) u fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-ammiraturi tal-Banda ddeċidew li jagħmlu palk biex il-Banda tkun tista’ ddoqq fuqu fil-festi titulari tal-Belt Rohan. Il-palk sar u ġie mżejjen bl-armi tal-Granmastru De Rohan li tiegħu l-Banda u Ħaż-Żebbuġ iġibu ismu. Saret ukoll statwa ta’ l-istess Granmastru De Rohan li tpoġġiet f’post prominenti tal-palk.

Fl-1870, sewwa sew meta l-Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp Patrun Universali tal-Knisja, saret l-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ, xogħol ta’ Ġlormu Darmanin. Il-Banda Rohan ġiet mistiedna mill-Fratellanza ta’ San Ġużepp sabiex tieħu sehem fil-festa tal-Patroċinju tal-Qaddis – ħaġa li għadha ssir sal-lum.

Sa l-1910 il-Banda Rohan għarfet iżżomm ruħha indipendenti. Ma kellha x’taqsam ma’ ebda soċjetà oħra. Kellha l-post tagħha fejn tħarreġ l-allievi u wkoll fejn tikkunċerta għall-programmi li kien ikollha matul is-sena (3).

Dan il-post għadu magħruf sal-lum bħala ‘L-Iskola’ u jinsab fi Triq l-Isqof. Interessanti hu li dan il-post għadu sal-lum jintuża mis-Soċjetà tagħna biex fih jinżamm l-armar tal-festa ta’ San Ġużepp.

 

Dr. Paolo Nani

Il-Banda Rohan damet tieħu sehem fil-festa ta’ San Filep sal-1904, meta jidher li qamet il-kwistjoni tal-Mużika Sagra fil-knisja. Dak iż-żmien iż-żewġ Maestri di Cappella prinċipali f’Malta kienu Mro. Bugeja u Mro. Nani (4). Meta waslet il-Festa titulari ta’ San Filep ġara li kien hemm min ried jibqa jżomm lil Mro. Buġeja bil-mużika tiegħu u min ried jibdel u jġib lil Mro. Nani. Kien ġie deċiż li għall-festa ta’ San Filep kellu jibqa’ jagħmel il-mużika Mro. Bugeja.

Id-diriġenti tal-Banda Rohan ma qablux ma’ dan u għalhekk irrifjutaw li jibqgħu jieħdu sehem fil-festa titulari, kif kienet ilha tagħmel sa mit-twaqqif tagħha fl-1860. Dan kien il-każ ukoll li tilfu d-dritt tal-palk tal-Banda, għaliex waqa’ f’idejn l-awtoritajiet tal-Knisja Parrokkjali, u aktar tard l-istatwa tal-Grand Mastru De Rohan li kienet iżżejjen dan il-palk ġiet mibdula ma’ oħra ta’ Vilhena.

Imma dawk li riedu lil Mro. Nani ma ħallewx li din il-kwistjoni tgħaddi. Għalhekk stiednu lil dan is-surmast biex jiġi jdoqq fil-festa ta’ San Ġużepp, li sa l-1904 kienet tiġi ċċelebrata fil-parroċċa tagħna fl-aħħar Ħadd ta’ April (5), u ġieli anke fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju (6).

Il-Kumitat tal-Banda Rohan ħass li l-festa ta’ San Ġużepp kienet wisq qrib il-festa ta’ San Filep. Ħaseb u ħadem sabiex jittrasferixxi l-festa ta’ San Ġużepp għal ġurnata aktar lura. Dan il-ħsieb irnexxielhom iwettquh u mill-1905 il-festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju (7). Dan seta’ jkun possibbli b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X (8). Hawn ta’ min wieħed jinnota li l-festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ hija l-unika festa sekondarja f’Malta li tiġi ċċelebrata wara dik titulari.

Minn din il-kwistjoni tal-Mużika Sagra s-Soċjetà tagħna Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ħadet il-laqam ta’ l-Ajkla. Dan ġara peress li l-laqmijiet Ta’ l-Ajkla u Ta’ l-Istilla kellhom konnessjonijiet ma’ Nani u Buġeja (9). Illum id-disinji tal-laqmijiet narawhom jispikkaw fl-armi tal-baned u fit-tiżjin tal-festi rispettivi.

Antonio Zammit Gauci

Fl-1910, fuq inizjattiva tan-Nobbli Antonio Zammit Gauci, li kien il-President tas-Societa Filarmonica Rohan (10) kif ukoll il-Prokuratur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp (11) twaqqaf ic-Circolo San Giuseppe.

 

Is-Societa Filarmonica Rohan u ċ-Circolo San Giuseppe ngħaqdu uffiċjalment b’kuntratt nhar l-1 ta’ Novembru 1910. Il-President, kif kien xieraq, kien Antonio Zammit Gauci. Din l-ghaqda setgħet tkun possibbli peress li l-parti l-kbira tal-membri taż-żewġ kumitati kienu fil-kumitat taż-żewġ istituzzjonijiet. Minn dak in-nhar ‘il quddiem is-Soċjetà bdiet iġġib l-isem Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan (12).

Minkejja d-diffikultajiet kbar li l-kumitat kien jiltaqa’  magħhom minn naħa ta’ għadd kbir ta’ saċerdoti Żebbuġin, minn sena għal oħra kompla jiżdied l-armar ta’ barra u l-armar għal ġewwa l-knisja (13). Il-festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita bħala waħda mill-aqwa ta’ pajjiżna (14). Fil-bidu tas-Snin Tletin kienet fl-aqwa tagħha, imma fl-1935 ħadet l-ewwel daqqa bil-Konċilju Reġjonali, u dak li ma kienx irnexxielu jagħmel parti kbira mill-kleru żebbugi ta’ dak iż-żmien ġie mpost mill-Konċilju Reġjonali.

Skond studju li għamel Dun Ġużepp Farrugia fit-teżi tiegħu Il-Konflitt tal-Partiti tal-Festi Sekondarji u l-Knisja Maltija, kiteb li sal-Konċilju Reġjonali ta’ l-1935 il-partit (Soċjetà) ta’ San Ġużepp f’Haż-Żebbuġ kompla jikber tant li waslu li fil-festa tagħhom jarmaw daqs, jekk mhux iżjed mill-festa titulari. Dan kollu ġie fit-tmiem tiegħu mal-Konċilju Reġjonali ta’ l-1935, li impona restrizzjonijiet ħorox fuq il-Festi Sekondarji.

Dun Ġużepp Bonanno

Il-kumitati kellhom jobdu r-regolamenti ġodda, mhux għaliex dawn qablu magħhom, iżda għax il-Knisja kellha f’idejha s-saħħa u l-influwenza. Dawn ir-restrizzjonijiet taw daqqa ‘l isfel lill-festa ta’ San Ġużepp, sakemm f’Mejju ta’ l-1975 l-Awtoritajiet Ċivili neħħew ir-restrizzjonijiet minn fuq il-Festi Sekonarji, f’dak li jirrigwarda festi ta’ barra, u ħadu f’idejhom il-ħruġ ta’ permessi għall-armar, baned, nar u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festi u l-attivitajiet li jsiru fit-toroq.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-festi li jsiru fil-knisja. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tiżjin u fuq il-funzjonijiet għadhom fis-seħħ. Huwa għalhekk li llum is-Soċjetà tagħna għandha għalfejn tirringrazzja lil Dun Ġużepp Bonanno, Prokuratur tal-Festa ta’ San Ġużepp bejn l-1916 u l-1943, li għamel minn kollox sabiex il-knisja parrokkjali tar-raħal ma jkun jonqosha xejn fil-Festa ta’ San Ġużepp. Mertu wkoll lil Dun Albert Dalli, Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ bejn 1904 sal-1918.

Mit-twaqqif tagħha sal-lum il-Banda de Rohan rat 19-il Surmast Direttur, tnejn minnhom Taljani. Gaetano Emm. Calì u Antonio Ruto. Minn idejn Indrì Borg fl-1872 (15) il-Banda għaddiet f’idejn Mro. Molinari. Warajh fl-1875 insibu l-ewwel Surmast Direttur Zebbuġi, M’Ang Debono. Ir-raba’ Surmast Direttur kien Żebbuġi ieħor, Mro. Lorenzo Gatt, li dam fit-tmexxija tal-Banda Rohan għal tmien snin,sa l-1900 (17). Fi żmienu, skond ġurnal ta’ dak iż-żmien, insibu li l-Banda Rohan kienet waħda mill-iktar baned li daqqew fil-pubbliku(18).

Meta Mro. Gatt, kontra qalbu kellu jħalli d-direzzjoni tal-Banda, din għaddiet f’idejn Mro.Vincenzo Carabott, Surmast ta’ fama kbira. Fi żmienu, bħala Surmast Direttur tal-Banda De Rohan ta’ min isemmi l-funeral kbir tal-President tas-Societa Filarmonica Rohan, Mro. Filippu Galea. Il-funeral tiegħu ġie akkumpanjat b’marċi funebri, kif kien xieraq, mill-banda ewlenija ta’ Citta Rohan il-Banda Rohan (19).

Is-Surmast Orlando Crescimanno

Bejn l-1903 u l-1906 kellna lil Mro. Orlando Crescimanno, wieħed mill-aqwa surmastrijiet ta’ dak iż-żmien. Kien jagħmel kunċerti wieħed fl-ieħor, programmi fuq programmi. Il-Banda bdiet tiġi mistiedna kważi fil-festi prinċipali kollha. Mro. Crescimanno jibqa’ msemmi għall-innu l-kbir li kkompona, Inno a San Giuseppe, xogħol vokali u strumentali tassew sabiħ! Innu li għadu jindaqq sal-lum fl-aħħar ta’ kull programm mużikali li tesegwixxi l-Banda Rohan.

Kien żmien ukoll meta l-Kumitat tas-Soċjeta Filarmonica Rohan immexxi mill-President il-Perit Pawlu Cassar Torreggiani, beda jaħseb biex il-bandisti jkollhom uniformi – waħda bajda li kienet tintuża għall-ġranet tas-sajf u l-oħra ta’ lewn ikħal li kienet tintuża fix-xitwa.

Wara Crescimanno ssejjaħ bħala Surmast Direttur it-Taljan Gaetano Emmanuele Calì, li dam fil-kariga sa Frar ta’ l-1914. Warajh il-Banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Surmast Direttur Taljan ieħor, Mro. Antonio Ruto. Ruto ma damx wisq peress li kienet faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Kien laħaq għamel biss xi kunċerti u programm.

Id-disà Surmast Direttur tal-banda Rohan kien Pacifico Scicluna. Matul iż-żmien tiegħu kien għamel xi żmien indispost u għalhekk ma setax jagħti l-kontribut tiegħu kollu lill-Banda, barra wkoll li kellu xi baned oħra taħt id-direzzjoni tiegħu. B’xorti tajba dik il-ħabta bħala Assistent Surmast il-Banda kellha liż-żagħżugħ Giuseppe Busuttil (20) li kemm-il darba ħa t-tmexxija tal-Banda f’idejh.

Fl-1920 il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ta t-tmexxija tal-Banda f’idejn Mro. Giuseppe Busuttil wara l-esperjenza li kien ħa bħala Assistent Surmast. L-ammiraturi tal-Banda ħarsu lejh b’fiduċja u raw fih il-bniedem li kellu tant jirsisti, jissagrifika ruħu u jpoġġi f’post għoli l-isem tal-Banda De Rohan. Biżżejjed insemmu l-programm esegwit fi Pjazza Reġina, il-Belt, fl-1924 fl-okkażjoni ta’ għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Valette. Programm ieħor kbir kien sar ġewwa Haż-Żebbuġ fis-6 ta’ Marzu, 1921, meta l-Banda De Rohan fakkret il-61 sena mit-twaqqif tagħha (21). Kien ukoll bis-saħħa ta’ dan l-istess Surmast li l-Banda ġiet regalata sett qniepen tubulari fl-1923 mill-ammiraturi tagħha (22).

Dak iż-żmien kien żmien tad-deheb għall-banda u l-ammiraturi tagħha kienu jmorru kull fejn tmur il-Banda u jqattgħu madwar tliet siegħat jisimgħu b’attenzjoni kbira lill-Banda tesegwixxi l-programm mużikali. Kien f’dak iż-żmien ukoll meta fi ħdan is-Soċjetà Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan twaqqfet is-Soċjetà Mutuo Soccorso (23A): soċjetà mwaqqfa biex tgħin lill-membri u lill-bandisti fil-bżonnijiet tagħhom.

F’Ġunju ta’ l-1926 id-direzzjoni tal-Banda ngħatat f’idejn Mro. Vincenzo Ciappara. Surmast li baqa’ magħruf għad-direzzjoni tal-baned, kif ukoll għall-istrumentazzjoni ta’ kompożizzjonijiet ta’ diversi kompożituri għall-orkestra. Fuq kollox kien magħruf bħala r-Re tal-Marċi Maltin (23).

Wara Mro. Vincenzo Ciappara, f’Jannar ta’ l-1930 il-Banda De Rohan għaddiet f’idejn Mro. Mikiel Gatt, iben familja ta’ nisel il-mużiċisti li għamlu ġieh lil Malta u fuq kollox lil raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ. Kien kurunettist prim ma’ diversi baned. Ta’ min isemmi li Mro. Mikiel Gatt kien in-neputi ta’ Mro. Lorenzo Gatt.

Il-Bandalora rregalata fl-1938

Bejn April ta’ l-1932 u Awwissu ta’ l-istess sena nsibu d-direzzjoni tal-Banda De Rohan f’idejn Mro. Willie Attard. Fl-istess sena ż-żagħżugħ Ġeraldu Farrugia ġie magħżul biex ikun l-14-il Surmast Direttur ta’ din il-Banda. Farrugia, iben il-Banda De Rohan, kien għad kellu 23 sena meta dderieġa l-ewwel programm tiegħu (24). Kien sar ir-Rabat. Il-Banda De Rohan damet taħt id-direzzjoni tiegħu għal 38 sena. Tul dan iż-żmien il-Banda De Rohan fakkret diversi okkażjonijiet speċjali, fosthom fl-1938 meta tfakkar it-78 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Kien attenda l-Lieut. Governor Adams Hunter li ppreżenta lill-Banda bandalora l-ġmiel tagħha bl-arma ta’ De Rohan (25).

Is-Surmast Gerald Farrugia

Il-Banda De Rohan kellha wkoll ix-xorti tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’ġieħ iż-żjara f’Malta tar-Reġina Eliżabetta kif ukoll qabel fil-festi li kienu saru f’għeluq is-60 sena mill-Inkurunazzjoni tar-Reġina Vittorja. Fl-1964 ħadet sehem fil-festi ta’ Malta Indipendenti.

Is-Surmast Ġeraldu Farrugia fuq kollox kellu x-xorti li fl-1960, flimkien mal-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan jiċċelebra l-Ewwel Ċentinarju tal-Banda De Rohan, l-ewwel ċentinarju li qatt ġie ċċelebrat ġo pajjiżna minn banda. Mro. Ġeraldu Farrugia jibqa’ magħruf għal diversi marċi li kiteb għall-Banda De Rohan, fosthom Lil Indri Borg – Missier il-Banda De Rohan u Ave Josef.

Fl-1970 Mro. Farrugia kellu kontra qalbu jħalli d-direzzjoni tal-Banda De Rohan. Ġie segwit minn Mro. Henry Camilleri, li wkoll kien bandist mal-Banda De Rohan. Mro. Camilleri dam jidderieġi sa l-1976. Warajh insibu lil Mro. Frank Galea li wkoll kien wieħed minn ulied is-Soċjetà tagħna. Dawn iż-żewġ Surmastrijiet komplew fejn ħallew ta’ qabilhom fil-qasam tal-mużika.

Fl-1978 id-direzzjoni tal-Banda tħalliet f’idejn is-Surmast Lawrence Borg. Taħt id-direzzjoni ta’ dan is-surmast il-Banda De Rohan għamlet progress kbir. Fl-1981 il-Banda De Rohan esegwiet Programm Strumentali fl-Istitut Kattoliku f’isem il-Malta Band Clubs Association taħt il-patroċinju tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura. Fi żmien Mro. Borg, fl-1985 il-Banda ċċelebrat il-125 sena mit-twaqqif tagħha u kienu saru festi kbar. Mro. Borg dam jidderieġi lill-Banda De Rohan sa l-1990.

Is-Surmast Ronnie Debattista

Wara insibu lill-Banda De Rohan tiġi mmexxija minn Mro. Ronnie Debattista. Fl-1993 il-Banda De Rohan, rebħet l-ewwel post minn fost diversi baned Maltin fil-Konkors Nazzjonali tal-Baned Malti li sar fit-Teatru Manoel. Unur prestiġġjuż li għamel unur u ġieh lil Banda u lil Ħaż-Żebbuġ. F’Novembru tas-sena ta’ wara fl-1994 il-Banda De Rohan ġiet mistiedna biex tipparteċipa fil-Malta International Brass & Woodwind Festival. Programm ieħor memorabbli taħt id-direzzjoni tas-Surmast Debattista kien sar fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Lulju tal-1995, meta ġie mfakkar il-125 sena mill-miġja ta’ l-istatwa ta’ San Ġużepp fostna ż-Żebbuġin, u fl-istess waqt il-125 sena minn meta San Ġużepp ġie pprokklamat Patrun tal-Knisja Universali.

Okkażjoni oħra speċjali kienet fis-sena 2000 meta l-Banda De Rohan iċċelebrat il-140 sena mit-twaqqif tagħha bħala l-Ewwel Banda f’Malta bi programm vokali u strumentali taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta L-E.T. l-Professur Guido de Marco. Il-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan kien iddeċieda li biex dan l-avveniment tant importanti u storiku jibqa’ mfakkar tiżżanżan bandalora tal-Banda ġdida. Fl-arkivju tas-Soċjetà nsibu għadd ta’ xogħlijiet ta’ diversi surmastrijiet. Dawn jinkludu marċi brijużi, marċi funebri u kompożizzjonijiet oħra.

Illum il-Banda tinsab taħt it-tmexxija tas-Surmast Tancred Grech. Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, wara ħajja ta’ tant snin ta’ ħidma, għadha miexja, b’mixja soda u meta tara x-xogħol li tant ħadmu għas-Soċjetà l-membri tagħha tħossha kburija. Kburija għaliex dejjem imxew mal-motto tas-Soċjetà: AVANTI SEMPRE. (26)

 


 

Referenzi

Storja ta’ Malta ta’ P.P. Castagna

Storia del Zebbug e sua Parrocchia ta’ Dun Salv Ciappara

Kontlitt tal-Partiti tal-festi sekondarji u l-Knisja Maltija ta’ Dun Gużepp Farrugia

1 Guida Generale di Malta e Gozo – 1881 sa 1893
2 Il-Verita’ – Mejju 1894
3 Guida Generale di Malta e Gozo – 1910
4 Corriere Mercantile Maltese – 1875
5 Malta Tagħna – 23 ta’ April 1904; La, Croce di Malta – 2 ta’ Mejju 1877
6 Il-Poplu Malti – 28 ta’ April 1906
? Malta Tagħna – 5 ta’ Mejju 1906
8 Poplu Malti – 28 ta’ Lulju 1906; Malta Tagħna – 28 ta’ Lulju 1906
9 Il-Berqa
10 Poplu Malti – 1 ta’ April 1911
11 Poplu Malti – 1 ta’ April 1911
12 Guida Generali di Malta e Gozo – 1920
13 Poplu Malti – 12 ta’ Awissu 1911
14 Malta Tagħna – 28 ta’ Lulju 1917 u 18 ta’ Mejju 1872
15 Corriere Mercantile Maltese
16 Guida Generale di Malta e Gozo – 1881 – 1892
17 Guida Generale de Malta e Gozo
18 Verita – 28 ta’ April 1894
19 Patria – 11 ta’ Gunja 1925
20 Malta Taghna – 28 ta’ Lulju 1917 u 22 ta’ Frar 1919
21 Ktieb ta’ Tifkira ta’ Mro. Henry Camilleri 1960
22 Malta Tagħna – 14 ta’ April 1923
23 l-orizzont – 16 ta’ Awissu 1979
23A Malta Tagħna – 25 ta’ Novembru 1922
24 Il-Poplu – 19 ta’ April 1933
25 Il-Berqa – 17 ta’ Ottubru 1938
26 Berqa / Progress 1932

 

Scroll to top