Il-Kamra tan-Nar tad-Dilettanti tan-Nar Ġużeppini Żebbuġin
Kitba u Riċerka ta’ Andre’ J. Galea

Sas-sena 1922 il-parti kbira tan-nar tal-festa ta’ San Ġużepp kien jinħadem f’xi razzett imwarrab u ta’ spiss kont issib min jagħmel użu minn xi remissa fl-abitat. Peress li fi ħdan is-Soċjeta’ Każin San Ġużepp u Banda De Rohan kien hemm dilettanti kbar tan-nar, il-kumitat ta’ dak iż-żmien kien qed ifittex biċċa art fejn tinbena kamra tan-nar sabiex ikun jista’ jinħadem in-nar tal-festa.
Il-Kamra tan-Nar ta’ Wied Inċita
Kien propju fid-29 ta’ Marzu 1922 li ġie ffirmat kuntratt bil-kundizzjonijiet ta’ ċens mal-Perit Luigi Borg u Mons. Gio Battista Buhagiar bħala Prokuratur tal-Monastero delle Suore di S. Benedetto. Il-kuntratt kien sar f’isem Giuseppe Balzan il-licensee tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan. Dan il-kuntratt kien jgħid li l-art fil-post magħruf Ta’ Kemmuniet f’Wied Inċita kienet qed tingħata b’ċens għal 99 sena u li kellhu jitħallas benifkat ta’ £60.8s:
Il-fabbrika tan-nar f’Wied Inċita, tidher tajjeb fis-survey sheet Nru 75 tal-1957 (murija hawn fuq), u kienet tinsab daqs 600 pied lil hinn mill-Isptar Mentali. Għalhekk kienet tinsab bogħod mill-bini skont ma kienu jitolbu r-regolamenti ta’ dak iż-żmien. F’din is-survey sheet tidher bl-iktar mod ċar kif il-fabbrika kienet mibnija bis-sengħa, jiġifieri tliet kmamar imdawrin b’ħajt għoli.

Fl-1980 kien seħħ inċident traġiku fejn kienu mietu Filippu Magri u Tonio Farrugia. Din it-traġedja kienet qajmet dibattitu sħiħ fuq skala nazzjonali saħansitra fil-parlament Malti u kienu nżammu l-permessi tal-manifattura tan-nar tal-kmamar kollha. Wara li ngħataw il-permessi lura, fl-1981 il-kumitat ta’ dak iż-żmien beda jibni kamra tan-nar oħra ġdida fuq l-istess sit li kienet ser tkun tikkonsisti f’erbat ikmamar imdawwrin b’ħajt irrinfurzat (blast wall), fuq pjanta tal-Perit Michael Falzon. Iżda fl-1982, dan ix-xogħol kellu jieqaf ħesrem minħabba li fuq is-sit ma’ kienx hemm lok għall-espansjoni skont kif kien stabbilit mill-liġi l-ġdida li tirregola il-bini u d-distanzi tal-kmamar tan-nar. Fl-1982 permezz ta’ kuntratt ieħor li kien sar, din l-art għaddiet għand is-sidien tal-barriera u llum il-fabbrika ta’ Wied Inċita m’għadhiex hemm għax flokha tħaffret barriera.
Il-Kamra tan-Nar ta’ Wied Qirda

Fl-1983, omm is-Sur Daniel Aquilina (bandist onorarju) kellha biċċa art fl-inħawi ta’ Wied Qirda li xtaqet tgħaddiha lill-każin. Fi Frar tal-1984 kien sar l-att tal-konvenju sabiex din l-art tgħaddi f’idejn il-każin. Wara li kien sar il-kuntratt tal-art ftit żmien wara, fl-istess sena, beda t-tħammil għall-pedamenti skont il-linji gwida ġodda li jirregolaw il-bini tal-kmamar tan-nar. Ix-xogħol tal-bini kien sar kollu kemm hu bil-ħidma tal-membri voluntieri li ħadmu qatigħ sabiex jaraw din il-ħolma ssir realtà. Din il-fabbrika tan-nar il-ġdida ta’ Wied Qirda nfetħet uffiċjalment nhar il-Ħadd 13 t’April 1986 fejn kien sar marċ għall-okkażjoni mill-Banda De Rohan, mill-każin tas-soċjetà sat-tarf ta’ Triq is-Siġġiewi.
Din il-fabbrika tan-nar għadha f’dan is-sit u attiva sal-ġurnata ta’llum. Minkejja d-diffikultajiet li għaddiet minnhom is-soċjetà, illum il-ġurnata nsibu jaħdmu grupp imdaqqas ta’ dilettanti tan-nar li ta’ kull sena fil-festa ta’ San Ġużepp iżommu l-appuntament tagħhom sabiex ipaxxu lil kulħadd permezz tax-xogħol sfieq li jaħdmu matul is-sena. Xogħol li fost il-periklu u s-sagriffiċċju kbir illi jagħmlu, jirnexxilhom ta’ kull sena, iżewwqu l-festa bin-nar maħdum minnhom u bl-ispettakli li jirnexxilhom itellgħu.
