Giuseppe Busuttil twieled ir-Rabat fit- 13 ta’ Marzu 1896, minn ġenituri Żebbuġin Carmelo u Marija Grazzja xebba Busuttil. Tgħammed l-għada fil-Katidral tal-Imdina. Ta’ età żgħira tgħallem il-klarinett mal-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat. Kompla l-istudju mużikali tiegħu għand is-Surmast Emanuel Spiteri, Band Master tar-Royal Malta Artillery, fejn għall-kors tal-armonija, kontrapont u l-istrumentazzjoni. Għax kien imħarreġ tajjeb fl-arti mużikali u fid-direzzjoni, ta ruħu għat- tagħlim u direzzjoni tal-baned. Fl-età ta’ 16- il sena daħal mas-servizz fir-Royal Malta Artillery. Wara żmien twil fis-servizz spiċċa Band Master tar-R.M.A.
Fl-14 ta’ Novembru 1915, fil-Knisja Arċipretali ta’Ħaż-Żebbuġ iżżewweġ lil Francesca Farrugia minn Ħaż-Żebbuġ. Wara ż-żwieġ għamel żmien joqgħod Ħaż-Żebbuġ u aktar tard fl-1926 mar joqgħod Birkirkara. Is-Surmast Ġużeppi Busuttil beda mal-Banda De Rohan bħala Assistent Surmast. Ta’ 23 sena għamel l-ewwel impenn tiegħu. Fis-16 ta’ Ġunju 1917, meta kien Assistent Surmast tal-Banda De Rohan, fin-nuqqas tas-Surmast Pacifico Scicluna, idderieġa programm mużikali mill-istess banda fil-Festa tal-Korpus fir-Rabat. Dan kien il-bidu tal-karriera tiegħu bħala surmast direttur tal-baned. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-karriera ta’ surmast bdija mal-Banda De Rohan.
Tul iż-żmien, li s-surmast Busuttill għamel bħala assistent surmast mal- Banda De Rohan kien akkwista l-esperjenza neċessarja li aktar tard kienet swietu ta’ għajnuna għalih. Is-surmast Ġużeppi Busuttil ħa uffiċjalment il- ħatra ta’ Surmast Direttur tal-Banda De Rohan f’Jannar tal-1920 u dam f’din il-kariga sa Mejju l-1926. Dak iż-żmien l-ammiraturi tal-Banda De Rohan kienu jħarsu lejh b’fiduċja għax raw li kien il-bniedem li kellu tant jirsisti u jissagrifika ruħu biex iżomm f’post għoli l-isem tal-Banda De Rohan. Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Busuttil, il-Banda De Rohan kienet tesegwixxi programmi twal u ta’ livell mużikali għoli, fosthom bċejjeċ klassiċi tant li kienet tkaxkar warajha bosta ammiraturi.
Tul-il-karriera tiegħu ta’ surmast, Ġużeppi Busuttil kien surmast imfittex ħafna. Xhieda ta’ dan kien l-għadd ta’ baned li kellu taħt it-tmexxija tiegħu matul is-snin. Fl-1925 ħa t-tmexxija tal-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara li dam jidderiġiha għal 35 sena. Mal-Banda Pinto ta’ Ħal Qormi, insibuh f’żewġ perjodi diffferenti l-ewwel bejn l-1927 u l-1935 u t-tieni darba bejn 1943 u l-1951. Ukoll bejn l-1930 u l-1944 kellu taħt it-tmexxija tiegħu l-Banda Peace tan-Naxxar.
Fl-1938, il-Bey ta’ Tunes kien onora lis-Surmast Ġużeppi Busuttil bit- Titlu ta’ Kavallier waqt żjara mill-Banda Sant’Elena f’Tuneż. Is-Surmast Busuttil ikkompona għadd kbir ta’ marċi brijużi kif ukoll funebri. Fost l-aktar popolari magħna huwa l-marċ Sempre Avanti Rohan. Marċ ieħor popolari ma’ ħafna baned kompożizzjoni tiegħu huwa l-marċ tal-Qalba li kien kitbu għall-banda Pinto. Fl-arkivju tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan nsibu għadd kbir ta’marċi u bċejjeċ ta’ mużika oħra kompożizzjoni tas-Surmast Busuttil. Is-Surmast Ġużeppi Busuttil miet il-Ġimgħa 30 ta’ Diċembru 1960, fl-Isptar San Luqa fl-għomor ta’ 64 sena. Il-Funeral tiegħu sar l-għada f’Birkirkara akkumpanjat miż-żewġ baned Karkariżi Sant’Elena u Duke of Connaught.