Fratellanza Ġużeppina f’Ħaż-Żebbuġ
F’Ħaz-Żebbug insibu sitt fratellanzi, fosthom dik ta’ San Ġuzepp. Dun Salv Ciappara fil-ktieb tiegħu ” Zebbug e Sua Parrocchia” jikteb li din il-fratellanza twaqqfet fl-1740, filwaqt li l-istoriku l-ieħor żebbuġi Luret Vella jikteb li l-fratellanza ħadet sehem għall-ewwel darba f’purċissjoni, preċiżament fil-festa titulari tal-1741. Fil-bidu l-fratellanza ma kellhiex altar magħżul għaliha, għaliex l-uniku altar ta’ San Ġużepp kien proprjeta’ tal-familja Baroni Azzopardi. F’Mejju tal-1741 kien inħatar Kappillan f’Ħaż-Żebbug Dun Giuseppe Markis Azzopardi, wieħed mill-familja tal-Baroni Azzopardi, proprjetarji tal-altar ta’ San Ġużepp. Saret talba mill-fratellanza lil dan il-kappillan, huwa ħa l-permess mingħand il-familja tiegħu u kkonċeda l-użu ta’ dan l-altar għas-servizzi kollha tal-komunita. Il-kwadru ta’ fuq l-altar jirrappreżenta l-mewt ta’ San Ġużepp imdawwar mill-Madonna u Ġesu’. Dan l-altar kien twaqqaf wara li tkabbret il-knisja bejn l-1637 u l-1655. Matul iż-żmien id-devozzjoni lejn San Ġużepp kompliet titkattar fost iż-Żebbugin u speċjalment fost l-imseħbin tal-fratellanza. Għalhekk nibtet ix-xewqa li ssir statwa ta’ San Ġużepp għall-parroċċa tagħna. Dik il-ħabta fuq il-katedra ta’ San Pietru kien isaltan il-Papa Piju IX, devot kbir ta’ San Ġużepp u allura d-devozzjoni lejn dan il-qaddis iżjed xegħlet.
Għalhekk fis-sena 1867, beda jsir il-ġbir meħtieg u l-fratellanza tat il-kummissjoni lill-magħruf statwarju Ġlormu Darmanin, li dik il-ħabta kien meqjus bħala ta’ fama kbira, kif fil-fatt kien. Ġara li Ġlormu Darmanin kellu ħafna xogħol u għalhekk l-istatwa ta’ San Ġużepp tlestiet tlett snin wara, fl-1870, sewwa sew fl-istess sena li l-Papa Piju IX ipproklama lid-dinja kollha lill-imqaddes Patrijarka Guzeppi bħala l-Patrun tal-Knisja Universali. Il-fratellanza ta’ San Ġużepp ta’ Ħaż-Żebbuġ tippossjedi ħafna opri rikki, fosthom il-ventaltari tal-altari kollha tal-knisja, il-paljotti tagħhom li huma maħduma kollha bir-rakkmu bi ħjut tad-deheb u fidda, kif ukoll sopra trieħi tagħhom. lżda fost l-altari, l-aktar tnejn li jkunu armati kif jixraq b’mod rikk huma l-altar maġġur u l-altar ta’ San Ġużepp. Affarijiet oħra prezzjuzi huma l-istandard, il-lanterni, is-surgentina u l-medaljun, kollha xogħol fil-fidda. Opra oħra prezzjuża li tkun aramata fil-festa ta’ San Ġużepp hija l-lampier il-kbir tal-fidda ta’ quddiem l-altar maġġur l-istess wieħed li jkun armat fil-festa titulari ta’ San Filep, b’ differenza li fil-festa ta’ San Ġużepp tiżdiedlu loppa kbira forma ta’ statwa ta’ tliet anġli magħqudin flimkien, bl-anġlu tan-nofs ‘il fuq mit-tnejn l-oħra. Fil-jiem tal-festa ta’ San Ġużepp l-altari kollha tal-knisja ikunu armati kollha stil wieħed, b’ventaltari, settijiet ta’ gandlieri kollha indurati bil-fidda, gastri tal-metal bil-fjuretti, tapiti, trieħi, gwarniċi bil-karti tal-glorja u loppi għall-lampieri kollha.
Il-fratellanza tagħna għandha l-privileġġ li fil-festa, il-knisja tkun aramata bid-damask l-aħmar l-istess damask tal-festa titulari. Dan id-damask huwa tal-ħarir, magħruf bħala tal-palma. L-Arċipriet Dun Alberto Dalli fl- 1911 kien wera x-xewqa li t-tużell il-ġdid li kellu jsir dak iz-zmiem kellu jsir għaż-żewġ festi ta’ San Filep u ta’ San Ġużepp. Ma kienx irnexxielu għaliex kien sab oppożizzjoni qawwija mill-Prokuratur tal-Knisja Dun Salv Zammit. Aktar tard sar tużell ġdid li barra li jintrama fil-festa ta’ San Ġużepp, ikun armat ukoll fil-festi tal-fratellanzi l-oħra. Għal ma’ dan it-tużell hemm loppa kbira u ferm sabiħa, skolpita fl-injam u indurata bid-deheb. L-aktar ħaġa li tispikka u li qiegħda fl-aktar post għoli tal-loppa hija l-kuruna ta’ San Ġużepp, is-simbolu tal-Patrun Universali tal-Knisja. Il-fratellanza għandha wkoll il-privileġġ li l-festi ta’ ġewwa u l-purċissjoni jitmexxew minn Kanonku. Iċ-ċelebrazzjonijiet jinkludu l-jiem tat-tridu, meta jitkanta l-għasar, issir il-priedka, tingħad ii-Kurunella ta’ San Ġuzepp, jindaqq l-innu, antifona u wara l-funzjoni tingħata l-Barka Sagramentali. Wara l-jiem tat-tridu jitkanta t-Te Deum b’radd ta’ ħajr ta’ għeluq it-tridu. F’jum il-festa ssir quddiesa kantata, u wara l-Evanġelu jsir il-Paniġierku. Filgħaxija ssir quddiesa u wara jkun hemm l-għasar bil-vuċijiet. Fi tmiem il-purċissjoni jitkanta l-innu, antifona u l-festa tintemm bil-Barka Sagramentali. Dawn iccelebrazzjonijiet kollha jkunu akkumpanjati b’muzika sagra.
Il-prokuraturi tal-fratellanza minn dejjem ħadu ħsieb li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu akkumpanjati bl-aqwa mużika u għal zmien twil il-mużika sagra kienet tkun immexxija mill-familja Nani, familja ta’ mużiċisti kbar. Fil-bidu l-fratellanza kienet tiċċelebra il-festa tal-patroċinju ta’ San Ġuzepp li kienet tkun it-tielet Ħadd fuq l-Għid. Minn sena għall-oħra l-festa bdiet tikber, imma kienet wisq qrib it- 12 ta’ Mejju, jum il-festa tat-titular San Filep t’Aġira. Għalhekk fl-1904 kienet saret talba lill-Papa Piju X biex il-festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ tiġi trasferita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju. Din it-talba ġiet milqugħa u mill-1905 il-festa ġiet trasferita b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X. Fl-1906 l-istatwa ta’ San Ġużepp iżżejnet b’erba’ anġli bl-emblemi f’idejhom tal-Kbir Patrijarka. Dawn huma xogħol ta’ Karlu Darmanin.
Aktar tard fl-1910 din l-istatwa kompliet tiżżejjen billi iżżanżnet bradella ġdida maħduma minn Wenzu Zammit tal-Birgu. Jidher li matul iż-żmien kien hemm xi differenzi bejn l-amministrazzjoni tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-fratellanza ta’ San Ġużepp. Dan jidher minn żewġ fatturi importanti. Fattur minn dawn kien ir-rikors li kien għamel il-Prokuratur in-Nutar Vincenzo G. Gioioso quddiem l-Arċisqof Monsinjur Pietru Pace, kontra għadd ta’ saċerdoti mill-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fattur ieħor huwa li filwaqt li l-fratellanzi l-oħra kollha iżommu l-oġġetti tagħhom fil-knisja, il-fratellanza ta’ San Ġużepp m’għandhiex post allokat għaliha. Matul iż-żmien id-devozzjoni u l-qima lejn San Ġużepp baqgħu dejjem jikbru u dan narawh rifless fil-bosta statwi tal-qaddis li nsibu mferxin madwar ir-raħal kif ukoll fil-bosta opri li saru fil-knisja arċipretali u fl-armar u tiżjin tat-toroq.
Hawn ta’ min wieħed issemmi erba’ okkażjonijiet fejn il-festi f’ġieħ ii-qaddis kienu straordinarji. Fl-1920 habat għeluq il-ħamsin sena minn meta l-Papa Piju IX kien iddikjara lill-San Ġużepp Patrun Universali tal-Knisja u kien ukoll għeluq il-ħamsin sena tal-istatwa. Kienu saru festi kbar kemm ġewwa l-knisja kif ukoll barra. Okkażżjoni oħra kienet il-festa tal-1945 meta ġie ċċelebrat il-75 anniversarju tal-istatwa. Saret transulazzjoni, il-purċissjoni kellha dawra kbira bħal tat-titular u tmexxiet minn Monsinjur. Festi oħra kbar fl-1970 meta ccelebrajna l-100 sena ta’ San Ġużepp fostna, u aktar ricenti fl-1995 għeluq il-125 sena. Meta wiehed iqis li l-festa ta’ San Ġużepp hija waħda sekondarja, l-knisja arċipretali ta’ Ħaż-Żebbug hija waħda, jekk mhux l-iktar li tkun armata f’festa sekondarja. Dan kollu huwa mertu ta’ ħidma intensiva li wettqu matul is-snin il-prokuraturi kollha tal-fratellanza. Fosthom ta’ min isemmi lil Dun Ġużepp Bonanno, li bl-għajnuna tal-Arċipriet Dun Albert Dalli, li kien devot kbir ta’ San Ġużepp, ħadmu u stinkaw flimkien kemm felħu, sabiex il-knisja fil-festa tkun armata kif jixraq. Mhux kulħadd kien japprezza għemil u l-ħidma ta’ dawn iż-żewġ saċerdoti. Kellhom iħallsu prezz qares u sabu oppożizzjoni kemm personali kif ukoll fuq bażi soċjali.