Willie Attard

Is-Surmast Willie Attard twieled fil-Ħamrun nhar l-14 ta’ Mejju 1899, iben Beneditt u Marija mwielda Vella. Huwa kien it-tieni wild fost erbgħa. Ta’ età żgħira beda juri l-ħajra tiegħu għat-tagħlim tal-mużika, u beda t-tagħlim tiegħu għand is-Surmast Anton Miruzzi. Ta’ 8 snin kien diġà jdoqq il-kwartin mal-Banda La Valette tal-Belt Valletta.

Fl-1914 ingaġġa fil-militar bħala bandist. Kien idoqq il-klarinett u saxaphone. Hu kompla jistudja l-armonija għand is-Surmast Giuseppe Abdilla, il-kontrapont għand is-Surmast Carlo Diacono u strumentazzjoni għand is-Surmast Cardenio Botti.
Is-Surmast Attard kiseb diversi ċertifikati tal-effiċjenza. Wara kors regolari tal-armonija u kontrapont kiseb ċertifikat ta’ mertu mingħand Carlo Diacono, Maestro di Cappella tal-Katidral. Fl-1926 kiseb ċertifikat ieħor mingħand The Association Board of the Royal Academy of Music u ieħor First Grade fl-1927 mil-London Royal College of Music.

Is-Surmast Willie Attard kien surmast direttur tal-Banda De Rohan matul is-sena 1932 u l-ewwel programm mużikali li dderieġa kien nhar Ħadd il- Palm fil-Pjazza tar-raħal. Minbarra l-Banda De Rohan, is-Surmast Attard kellu f’idejh ukoll il-baned ta’ San Ġużepp tal-Ħamrun, La Vittoria tal- Mellieħa, Our Lady of Consolatio (illum Maria Assunta) tal-Gudja u Leone tar-Rabat Għawdex.
Is-Surmast Attard kien magħruf għall-kompożizzjonijiet tiegħu. Huma ħafna l-marċi funebri u brijużi li kiteb, fost l-aktar magħrufa, il-marċ brijuż “Il-Famuża Koppla”. Kiteb ukoll innijiet bħal “Innu Marċ San Ġużepp” għal Banda San Ġużepp tal-Ħamrun.

Innijiet oħra huma għal baned La Vittoria tal-Mellieha, San Gabriel ta’ Ħal Balzan Maria Assunta tal-Gudja u oħrajn. Kien miżżewweġ lil Mary imwielda Cachia mill-Isla u kellhom sitt ulied. Is-Surmast Willie Attard miet nhar it-3 ta’ Marzu 1970, fl-għomor ta’ 71 sena.

 

Scroll to top