Is-Surmast Vincenzo Ciappara twieled il- Belt Valletta fis-6 ta’ Novembru 1890. Hu ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liceo imbagħad ta’ 10 snin beda jistudja l-vjolin u dan kien b’kumbinazzjoni peress li missieru kien rebaħ vjolin. Missieru ddeċieda li jibagħtu jitgħallem dan l-istrument fl-istitut ta’ Paolino Vassallo.
Meta kellu 14-il sena beda jdoqq il-vjolin fil- knejjes u daħal fil-kappella tas-Surmast Anton Nani. Fl-1907 l-istess Surmast Nani daħħlu fl- orkestra tat-Teatru Rjal, u poġġieh mal-vjolini sekondi.Wara erba’ snin inħatar leader tal- vjolini u dam ħafna f’dan il-post sakemm beda bil-vjola. Dam jagħti s-servizz tiegħu mal-orkestra tat-Teatru Rjal sal-1939. Is-Surmast Ciappara studja l-armonija għand is-Surmast Carlo Diacono, filwaqt li l-istrumentazzjoni tal-banda studjah għand is-Surmast Aurelio Doncich. Lil Vincenzo nsibuh jirfina u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala surmast tal-mużika sagra fuq parir tas-Surmast Diacono biex mexxa funzjonijiet fil-Katidral tal-Belt u tal-Imdina.
Is-Surmast Vincenzo Ciappara magħruf bħala r-Re tal-Marċi Maltin kien il-bniedem li ħadem mat-tabib Robert Samut fl-istrumentazzjoni tal-Innu Malti, u kellu jkun hu s-Surmast li, dderieġa l-banda l-ewwel darba li ndaqq. Fl-1924, il-Banda Annunzjata ta’ Ħal Tarxien daħħlet lis-Surmast Vincenzo Ciappara fil-qasam tal-baned billi ħatritu surmast direttur tagħha. Sentejn wara f’Ġunju tal-1926 beda jidderieġi l-Banda De Rohan. Idderieġa l-ewwel programm tiegħu mal-Banda De Rohan f’Bormla fil-Festa tal- Inkoronazzjoni tal-Madonna tal-Kunċizzjoni. Kienet ħatra meqjusa bħala rebħa kbira tant li l-ġurnali ta’ dak iż-żmien kienu rrakomandaw lill-bandisti tal-Banda De Rohan biex japprofittaw ruħhom minn din il-kisba u jirbħu t-tagħlim u l-esperjenza li kellu x’joffri dan is-surmast. Fost l-ewwel xogħol li kkompona għall-Banda De Rohan insibu “Marcia Trionfale San Giuseppe”.
Kemm dam jagħti s-servizz tiegħu lill-Banda De Rohan sal-1930, żmien li fih tella’ programmi li baqa’ jissemma għalihom u wkoll ikkompona diversi xogħlijiet li għadhom jinżammu b’għożża fl-arkivji tas-soċjetà. Il-fama ta’ Re tal-Marċi Maltin kisibha għax kien l-ewwel surmast li beda jsawwar marċi melodjużi u tal-widna kif nafuhom illum. Fost il-ħafna kompożizzjonijiet tas-Surmast Ciappara nsibu li anke kkompona żewġ kanzunetti Maltin.
Is-Surmast Vincenzo Ciappara mexxa wkoll il-baned tal-Kings Own, Prince of Wales, La Vittoria u l-Banda Konti Ruggieru li dam magħha għal madwar 50 sena. Miet nhar id-29 Lulju 1979 fl-għomor ta’ 89 sena. Fil- funeral tiegħu kien akkumpanajat mill-Banda Konti Ruġġieru.