Vincenzo Carabott

Is-Surmast Vincenzo Carabott twieled fl-1844 u ġej minn familja mużikali li bħal missieru Luigi ta ruħu għall-mużika, bħalma għamlu l-istess żewġ ħutu Luigi u Pawlu. Beda jistudja l-vjolin għand missieru u kompla bl- istudji tiegħu għand is-Surmast Dr. Giuseppe Vella, fejn studja tajjeb il-vjolin, l-armonija, kontrapont u l-istrumentazzjoni.L-ewwel banda li kellu taħt it-tmexxija tiegħu kienet il-Banda La Valette fl-1889. Dam f’din il-kariga jidderieġi l-banda La Valette għal kważi għaxar snin sal-1899.

Taħt it-treġija tiegħu l-Banda La Valette marret Tuneż fl-1891. Hemmhekk idderieġa programm ta’ mużika magħżula b’suċċess kbir. B’rikonoxximent għall-ħila tiegħu fl-arti mużikali, il-Bey ta’ Tuneż onora lis-Surmast Vincenzo Carabott bit-titlu ta’ Kavallier tar-raba klassi taħt Eċċellentissi Ordni Nicham Iftihir. Wara li s-Surmast Vincenzo Carabott ħalla l-Banda La Valette, ħa taħt it-tmexxija tiegħu, l-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ (1900 – 1902). Dak iż-żmien ġa kellu taħt it-tmexxija tiegħu l-Banda San Ġorg ta’ Ħal Qormi (1898 – 1906) u l-Banda Leone ta’ Rabat ta’ Għawdex (1893 – 1910).

Is-Surmast Vincenzo Carabott kien stabilixxa ruħu bħala wieħed mill- aqwa surmastrijiet ta’ dak iż-żmien. Kien żmien fejn is-Soċjetajiet Mużikali kienu f’tellieqa min minnhom hu kapaċi jakkwista l-aħjar surmast għall- banda tiegħu. Għalhekk il-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Rohan ra kif għamel u akkwista s-servizz tiegħu. Kien hemm żmien fejn is-surmast Carabott daqq il-vjolin fl-aqwa teatri fosthom fit-teatru Rjal. Idderieġa mużika sagra f’ħafna knejjes u skont tagħrif li sibna fil-ġurnal “Corriere Mercantile Maltese” ta’ 19 ta’ Lulju 1880, insibu li s-Surmast Vincenzo Carabott idderieġa l-orkestra tal-knisja fl-aħħar Tridu fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt, fl-assenza tas-Surmast Paolo Nani.

Is-Surmast Kav. Vincenzo Carabott miet ta’ 70 sena, fl-1714, il-Ħamrun.

Scroll to top