Is-Surmast Ronnie Debattista twieled l-Msida fl-1957 huwa ġej minn familja ta’ mużiċisti magħrufa u mfittxija fil-qasam bandistiku. Ħa l-ewwel taħriġ ma’ missieru Victor meta beda jitgħallem il-klarinett u ħareġ idoqq mal-Banda Melita tal-Msida. Bejn l-1976 u l-1985 huwa kien jagħmel parti mill- Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Ta’ 17-il sena ngħaqad mal-Banda Kings Own fejn dam 17-il sena bħala solista mal-istess banda. Matul is-snin bena reputazzjoni tajba u kien regolarment mitlub minn bosta baned biex jagħti s-servizz tiegħu. L-ambizzjonijiet tiegħu mexxewh biex ikompli jistudja, għalhekk taħt id-direzzjoni tal-Professur Charles Zammit mexa ‘l-quddiem fl-oqsma tat- teorija, l-armonija u l-istorja tal-mużika biex wasal jikseb id-diploma A.Mus. u L.Mus. mill-Kulleġġ tal-Mużika ta’ Londra. Fl-1991 kiseb il-Fellowship tal-Kompożizzjoni wara li tħarreġ taħt is-Surmast Pawlu Grech.
Ronnie Debattista beda mal-Banda De Rohan fl-1983, bħala għalliem tal- istrumenti tal-qasba u Assistent Surmast. Fl-1990 inħatar Surmast Direttur tal-Banda De Rohan. Kien ukoll Surmast mal Banda Santa Marija tal-Mosta bejn l-1986 u l-1993, tal-Banda San Piju X ta’ Ħal Lija bejn is-snin l-1989 u l-1995 u mal-Banda Sliema.
Is-Surmast Debattista kkompona diversi xogħlijiet li ġew esegwiti minn bosta baned. Fost dawn insibu “Fanfare and Theme” “Antonio Sciortino Suite” u “Occasional Overture”. Ma naqasx ukoll li jikteb ammont ta’
marċi tal-festa u funebri. Jibqa’ magħruf magħna għall-Innu Popolari lil San Ġużepp.
Il-ħiliet tas-Surmast Ronnie Debattista dehru kemm fid-direzzjoni kif ukoll fil-kompożizzjonijiet ta’ bosta xogħlijiet li għamlulu unur. Fost dawn insibuh joħroġ rebbieħ fil-Konkors Nazzjonali tal-Baned mal-Banda Santa Maria tal-Mosta fl-1989, u mill-ġdid fl-1993 mal-Banda De Rohan. Barra li kien attiv ħafna fix-xena mużikali lokali huwa dejjem sab il-ħin biex jgħin surmastrijiet żgħażagħ li jfittxu tagħlim mużikali avanzat għandu.
Is-Surmast Ronnie Debattista żżewweġ lil Michelle mwielda Sammut u għandhom tlitt itfal Gilbert Anthony, Jeremy u Therese Ann. Is-surmast Ronnie ħalla ħesrem din id-dinja fit-3 ta’ Novembru 2017.