Is-Surmast Paċifiku Scicluna twieled f’Bormla fl-14 ta’ Awwissu 1876, minn Carmelo u Maria xebba Cutajar it-tnejn mill-Birgu. Fl-età żgħira ta’ disa’ snin beda jitgħallem il-mużika mal-Banda Duke of Edinburgh tal-Birgu (illum Banda San Lawrenz) u ddebutta mal-istess banda bħala katubier. Hu kompla jistudja l-arti tal-mużika taħt Injazio Catania u Carmelo Abela. Is-Surmast Gaetano Grech għallmu l-armonija filwaqt li Giuseppe Farrugia għallmu l-klarin. Aktar tard Paċifiku kompla t-tagħlim tiegħu għand Dun Pietru Pawl Galea u tħarreġ ukoll taħt diversi surmastrijiet magħrufa oħra bħat-Taljan Ricci, il-Ġermaniż Artz, u oħrajn bħal Hare u Doncich.
Nhar it-13 t’Ottubru 1903, iżżewweġ lil Rosaria née Gerada u minn dan iż-żwieġ kellhom 17-il tarbija li minnhom erba’ biss għexu.
Għax kien imħarreġ tajjeb fl-arti mużikali, daħal mal-orkestra tal-Flotta Ingliża fejn kompla t-tagħlim tiegħu. Fl-1903 sa l-1906 fl-
età ta’ 27 sena kien Surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratæ ta’ Ħaż-Żabbar. F’dik l-epoka ma kinitx ħaġa ħafifa li mużiċist ta’ 27 sena jilħaq Surmast Direttur ta’ banda.
Fl-1906, ħa t-tmexxija tal-Banda l-oħra tal-Birgu l-Prince of Wales, li dam bit-tmexxija tagħha sal-1914. Fl-istess sena fl-1914 ħa t-tmexxija tal- Banda De Rohan u dam f’din il-kariga sal-1920. Tul iż-żmiem li għamel mal-Banda De Rohan għamel xi żmien indispost peress li kien fil-flotta Ingliza kien ikollu bżonn ikun barra minn Malta. Fil-fatt fl-1919 fiż-żmien li s-servizzi Ingliżi fil-gżejjer tagħna kienu fl-aqwa tagħhom, l-awtoritajiet navali wrew interess fil-kapaċitajiet tiegħu u ħatruh bħala Bandmaster mar- Royal Navy. Huwa idderieġa programm f’Chatham l-Ingliterra, mexxa l-baned tal-H.M.S. Canteur u l-Cleopatra, żewġ bastimenti Ingliżi mal-flotta tal-Mediterran. Idderieġa wkoll programmi mal-Banda tan-Navy f’Tuneż, Port Said u Lixandra.
Is-Surmast Scicluna kien Surmast Direttur u kompożitur tajjeb għalhekk ħafna mill-kompożizzjonijiet tiegħu jinsabu fl-arkiviji ta’ diversi baned. Ħalla mużika ta’ kull xorta, ħalla sinfoniji, melodiji, boleri, valzi u innijiet.
Tul il-karriera mużikali kien Surmast Direttur tal-Banda De Rohan, f’erba’ darbiet fi żminijiet differenti kien Surmast tal-Banda Maria Mater Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar, it-tnejn tal-Birgu l-Prince Of Wales u Duke of Edinburgh (Banda San Lawrenz) u l-Banda Melita (San Ġużepp) tal-Imsida.
Is-Surmast Pacifico Scicluna miet il-Birgu fl-età ta’ 81 sena, nhar l-20 ta’ Settembru 1957.