Is-Surmast Michael Gatt twieled Ħaż-Żebbuġ nhar il-15 ta’ Mejju 1889. Iben Andrew u Pauline xebba Azzopardi. Kien is-sitt wieħed fost seba’ aħwa. Minn kmieni wera ġibda qawwija lejn il-mużika u beda jitgħallem mal- Banda San Filep. Sa minn ċkunitu ħa t-tagħlim tal-mużika bis-serjetà u studja t-tagħlim elementari tal-mużika, fosthom it-teorja. Meta wasal għall-istrument għażel li jdoqq il-kurunetta u ħareġ idoqq mal-istess banda. Kien kurunettist prim ma’ diversi baned. Aktar tard kompla l-istudju tiegħu billi studja l-istrumentazzjoni għall- banda u għamel kors regolari tal-armonija u kontrapont għand mużiċisti magħrufa.
Fis-snin għoxrin, is-Surmast Michael Gatt emigra lejn l-Amerika kif kienu qed jagħmlu bosta Maltin, iżda mbagħad ġie lura u żżewweġ lil Elizabeth Cassar minn tas-Sliema iżda baqgħu jgħixu f’Ħaż-Żebbuġ. Mill-Amerika ġab miegħu kurunetta silver plate li għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa rari u reġa beda jdoqq mal-baned Maltin.
Jidher li mar-ritorn tiegħu f’Malta, is-Surmast Michael Gatt mill-ewwel inxteħet mal-Banda De Rohan tant li nsibuh bħala Assistent Surmast mal-istess banda. Is-Surmast Gatt ħa t-tmexxija tal- Banda De Rohan f’Jannar tal-1930 u dderieġa l-ewwel programm mużikali tiegħu fil-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat.
Dam surmast direttur sa Marzu tal- 1932. Fl-arkivji tal-banda nsibu diversi marċi brijużi u funebri ta’ dan is- surmast.
Is-Surmast Michael Gatt ħalla din id-dinja nhar it-28 ta’ Settembru 1943, fl-età ta’ 54 sena.