Lorenzo Gatt

Is-Surmast Lorenzo Gatt kien il-ħames Surmast Direttur li kellha l-Banda De Rohan tul is-snin li ilha mwaqqfa mill-1860. Dan il-bravu Surmast twieled Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Settembru, 1856. Lorenzo Gatt twieled u trabba f’familja fejn il-mużika kienet xi ħaġa sagra, għalhekk ma setax jonqos li minn ċkunitu kien inklinat għall-arti mużikali bħalma kien missieru Ġianpatist. Lorenzo Gatt beda l-istudji tiegħu mużikali ta’ età żgħira taħt missieru u kompla dan it-tagħlim taħt diversi surmastrijietoħra. Għal 14-il sena, Ġianpatist kien mużiċista u l-organista tal-Katidral tal-Mdina fi żmien il- Maestro di Cappella Vincenzo Bugeja. Missier Lorenzo, Ġianpatist miet meta Lorenzo kellu biss 20 sena, dan kien fis-sena 1876. Dak iż- żmien Lorenzo kien għadu jistudja u għalhekk kien fadallu bżonn missieru biex jgħinu fl- istudji tiegħu.

Il-Kapitlu tal-Katidral kien jaf sewwa x’kien isarraf Lorenzo, għad li kien għadu żagħżugħ ta’ 20 sena. Għalhekk ħajjar lil Lorenzo biex jieħu xogħol missieru. Għalkemm żgħir ma qatax qalbu. Għamel rikors lill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Mons Gaetano Pace Fornu biex jokkupa l-post ta’ missieru.
Iż-żagħżugħ ippreżenta ruħu għand l-Isqof u talbu biex jimpjegah flok missieru. L-Isqof iggustah idoqq l-orgni b’dik il-ħeffa u ħlewwa u għalhekk persważ mill-abbilità tiegħu, qallu “għadek żgħir wisq”. Lorenzo wieġbu u qallu “Monsinjur, nitolbok li timpjegani, jiena nikber”. L-Isqof feraħlu, bierku u approva l-għażla tiegħu bħala l-organista tal-Katidral. Fid-digriet tiegħu l-Isqof qal lil Lorenzo biex iqis li jikber mhux biss fiż-żmien imma ukoll fl-istudju. Din ma kinitx xi ħaġa ħafifa għaliex meta tkun organista f’din il-knisja kien irid imexxi ċ-ċelebrazzjonijiet li kien ikun hemm matul is-sena kollha. Kien ukoll marbut li matul is-sena jikkomponi ammont ta’ tant mużika sagra fis-sena bħal Quddies Solenni, quddies funebri u mużika sagra oħra. Is-Surmast baqa’ jokkupa din il-kariga għal 41 sena sħaħ wara l-mewt ta’ missieru.

L-istudju tiegħu ma kienx ħafif. Kellu jagħmel ħafna sagrifiċċji biex tgħallem il-mużika. Wara l-istudju li tah missieru kompla għand l-imsemmi Dun Alwiġ Fenech tal-Birgu li mill-ewwel innota fih futur. Għamel żmien jistudja wkoll għand l-Agostinjan Patri Ġużeppi Spiteri Fremond.
Kienet id-drawwa f’dawk iż-żminijiet li, meta f’ xi knisja kienu jżanżnu xi orgni, kienu jistiednu diversi organisti biex idoqquh. Wieħed minnhom żgur li kien ikun is-Surmast Lorenzo Gatt, bħalma kien il-każ meta fl-1906 l-Arċipriet Dun Alberto Dalli stieden lil Lorenzo biex iżanżan l-orgni fil- knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Barra l-orgni kien idoqq tajjeb il-vjolin, il-vjolinċell, il-pjanu u xi strumenti tal-banda. Kien magħruf ukoll għat-tiswijiet tal-pjanu u l-orgnijiet tal-knejjes. Il-ħajja tas-Surmast Lorenzo Gatt kienet tinqasam fi tlieta – organista, kompożitur u direttur.

Bħala Direttur tal-Baned fl-1888 insibuh għall-ewwel darba mal-Banda L’Isle Adam tar-Rabat. Dam jidderiegi lil din il-banda għal ħames snin. Fl-istess sena inħatar surmast direttur tal Banda De Rohan li dam jokkupa din il-kariga sa sena 1900. F’raħal twelidu Ħaż-Żebbuġ, is-Surmast Gatt kien maħbub ħafna miż-Żebbuġin, speċjalment mill-membri taċ-Circolo Rohan u l-bandisti. Kien ukoll Bandmaster ta’ żewġ baned militari stazzjonati fl- Imtarfa. Bħala kompożitur kien wisq magħruf għall-mużika tiegħu. Kiteb bosta mużika Sagra għall-orgni u għall-orkestra. Fosthom ix-xogħol kbir tiegħu nsibu l-Quddiesa l-Kbira De Requiem, Diesirae, Rex Tremende Maestatis, Regina Coeli u Sancte Paule, A Cinque Parti u oħrajn. Barra Mużika Sagra is-Surmast Gatt kiteb ukoll sinfoniji, marċi u innijiet. Ħafna mill-mużika tiegħu tinsab fl-arkivju tal-Mużew. Is-surmast Lorenzo Gatt miet nhar d-9 ta’ Mejju, 1926 fid-dar tiegħu, ir- Rabat.

 

Scroll to top