Is-Surmast Lawrence Borg twieled Bormla fit-18 ta’ Awwissu 1938. Fl-età ta’ 13-il sena beda l-istudju mużikali mal-Banda De Paule ta’ Raħal il-Ġdid, għand is-Surmast Francesco Busuttil. Fl-1954 daqq għall-ewwel darba bħala solista fuq l-Euphonium mal-istess banda. Kompla l-istudju mużikali tat-teorija mas- Surmast Joseph Abela Scolaro. Aktar tard fl-1980, mas-Surmast Dr Charles Zammit beda jistudja l-armonija, il-kontrapunt, l-orkestrazzjoni u l-fuga. Kompla l-istudju tiegħu mas-Surmast Carmelo Pace fejn kiseb id-diploma FLCM fil-kompożizzjoni. Għamel ukoll kors ta’ mużika moderna mas-Surmast Pawlu Grech.
Lawrence Borg inħatar Surmast Direttur tal-Banda De Rohan f’Settembru tal-1978 u dam jidderieġi din l-banda għal 12-il sena sa Marzu tal-1990.
Tul dan iż-żmien il-Banda De Rohan għamlet progress kbir u fost id- diversi programmi mużikali li dderieġa kien hemm dak li sar fl-1985 fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif tal-Banda De Rohan u l-Kunċert Annwali tal-Għaqda Każini tal-banda li sar fl-Istiut Kattoliku l-Furjana fl-1984. Okkażjoni oħra speċjali kienet f’Settembru tal-1989 meta l- Banda De Rohan ħadet sehem fil-Ġublew tal-fidda tal-Indipendenza ta’ Malta.
Fost il-kompożizzjonijiet tas-Surmast Borg insibu Quddiesa in Re Minore, kantata lil Santa Elena, Sinforietta għall-orkestra, Overtures Suites għal solisti u pjanu jew banda, tone Poems, Marċi Sinfoniċi, Suite għal Flauto Solo, innijiet sagri, innijiet tal-banda u arranġamenti mużikali għal solisti u banda. L-aktar żewġ marċi li s-Surmast Lawrence Borg jibqa’ magħruf għalihom magħna l-Ġużeppini Żebbuġin huma l-marċ “Ta’ Bona” u “Ġrajja Kbira”
Is-Surmast Lawrence Borg kien Surmast mal-Banda San Ġużepp tal- Hamrun bejn l-1984 u l-1991. Huwa miżżewweġ lil Marija u għandhom tlett itfal tnejn minnhom stabbiliti sew fil-qasam tal-mużika.