Is-Surmast Henry Camilleri twieled Ħaż-Żebbuġ fis-6 ta’ Awwissu 1937. Miżżewweġ lil Salvina née Cortis u għandhom tliet ulied. Fl-1955 daħal għalliem mad-dipartiment tal-edukazzjoni u fl-1966 beda jgħallem il-mużika fl-iskejjel tal-istat. Huwa beda jistudja l-flawt ta’ għaxar snin taħt is-surmast Ġeraldu Farrugia, wara qaleb għall-klarinett. Peress li mill-ewwel wera li jipprometti, il- ġenituri tiegħu bagħtuh ikompli jistudja għand il-Kompożitur Carmelo Pace. Dan is-surmast għallmu l-armonija, il-kontrapunt u l-orkestrazzjoni biex is-Surmast Camilleri seta’ jikseb id-diploma tal- Assoċjat u tal-Liċenzjat tal-Kulleġġ tal-Mużika ta’ Londra. Fl-1968 kien ingħata scholarship ta’ sena studju fil-mużika fl-Ingliterra.
Il-progress tiegħu kien tali mod li ġibed l-attenzjoni tal-kumitat tant li meta s-Surmast Ġeraldu Farrugia fl-1970 irriżenja mill-kariga tiegħu ta’ surmast il-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ma kellux diffikultà, u ħatar lis-Surmast Henry Camilleri surmast tal-Banda De Rohan. Is-Surmast Farrugia għadda formalment il-bakketta lill- ex alliev tiegħu waqt il-programm mużikali li l-Banda De Rohan kienet qed teseġwixxi fl- okkażjoni tal-festa tal-Victory f’Ħaż-Żebbuġ.
Bejn l-1955 u l-1970, is-Surmast Camilleri kien jokkupa diversi karigi fil-kumitat u fi snin qabel l-1960 kien il-protagonista għax impenja ruħu bil-kbir, l-aktar meta l-Banda De Rohan bdiet riesqa lejn għeluq l-ewwel ċentinarju – storja li l-ebda banda f’dawn il-gżejjer ma kienet iċċelebrat sa dawk iż-żminijiet.
Għalhekk, kien fost l-ewlenin li mill-kumitat qanqal lil sħabu sabiex tingabar l-istorja tal-banda. Minkejja d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom, ta’ żagħżugħ li kien mimli eneġija interessa ruħu jqalleb fl-arkivji u l-librerji biex isib sehem il-banda mitt sena qabel. Is-sejbiet dokumentati raw id- dawl meta s-Surmast Camilleri xandarhom fil-ġurnali, u minkejja l-kritika ħadd ma rnexxielu jikkontesta l-fatt li l-Banda De Rohan taħt it-tmexxija tas-Surmast Indrì Borg twieldet fl-1860 u kienet l-ewwel banda nazzjonali f’Malta.
Is-Surmast Henry Camilleri, tant kellu s-Soċjetà għal qalbu li ta s-sehem tiegħu fi ħdan is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan bħala bandist, membru fil-kumitat, Surmast tal-Banda u l-protagonista li ġabar l-istorja tal- Banda De Rohan. Is-Surmast Camilleri temm il-kariga tiegħu mal-Banda De Rohan fl- 1976. Mexxa wkoll il-Baned Pinto ta’ Ħal Qormi (1978 – 1983) il-Banda 12 th May ta’ Ħaż-Żebbuġ (1981 – 1993) u l-Banda La Vittoria tal-Mellieħa (1982 – 1983).