Gerald Farrugia

Ġeraldu Farrugia twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-30 ta’ Novembru 1906. Iben Kalċidon u Marianna née Spiteri. Kien il-kbir fost ħames aħwa, fi Frar tal-1953 fl-età ta’ 47 sena żżewweġ lil Karmena née Bonnici.

Bħal ħafna surmastrijiet oħra beda t-tagħlim tal-mużika minn età żgħira. Beda l-istudju tal- mużika mal-Banda De Rohan taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast Giuseppe Busuttil. Ħareġ idoqq il-flawt – ottavin mal-Banda De Rohan fil-Programm Mużikali ta’ nhar Ħadd il-Palm. Snin wara fl-1922 qaleb idoqq is-saxaphone. Kompla l-istudju tiegħu għand is-Surmast Carmelo Pace. Is-Surmast Ġeraldu Farrugia, fl-1 ta’ Settembru tal-1932, fl-età ta’ 26 sena ħa tmexxija tal-Banda De Rohan. Minn hawn bdiet l-era twila u mlewna tas- Surmast Ġeraldu Farrugia li kellu jindokra l-Banda De Rohan għal 38 sena sħaħ sa l-1970. Kienu snin li matulhom dan is-surmast mhux biss ħa ħsieb il-banda, iżda wkoll ħa ħsieb it-trawwim ta’ numru sostanzjali ta’ bandisti, li minnhom ħarġu wkoll surmastrijiet.

Matul dan iż-żmien il-banda kellha diversi okkażjonijiet fejn esegwiet programmi mużikali fosthom biex jiġi mfakkar l-25 sena (Silver Jubilee) ta’ Re Ġorġ V, f’Mejju tal-1935. Iż-żjara tar-Reġina Elizabetta f’Malta fl- 1954 fi pjazza Reġina Il-Belt. Okkażjonijiet oħra speċjali kienu meta l-Banda De Rohan ċċelebrat l-anniversarji mit-twaqqif tagħha speċjalment dak tal- 1960 meta taħt id-direzzjoni tiegħu l-Banda De Rohan iċċelebrat l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-ewwel banda f’Malta. Kemm kien kburi u ferħan dak inhar, li kellu x-xorti li jkun hu li jidderieġi l-Banda De Rohan – Omm il-Baned Maltin.

Matul il-karriera tiegħu ta’ surmast direttur is-Surmast Farrugia kiteb diversi marċi brijużi kif ukoll funebri, u kompożizzjonijiet mużikali oħra. Fost il-marċi brijużi tiegħu ma tistax ma ssemmix “Tifħir Lil Malta Rebbieħa”, “Eagle Foam”, “Ave Joseph”, u l-aktar wieħed popolari “Lil Indrì Borg – Missier il-Banda De Rohan”. Ħallilna ukoll l-innu tal-banda “Rohan”. Minn fost il-ħafna marċi funebri ta’ min isemmi “In Memory of My Father”, “Non Obliarmi” u “In Memory di Pio XI”. Fost is-siltiet mużikali, kompożizzjoni ta’ dan is-surmast. insibu l- Marcia Sinfonica “Heroic Hearts” li kien iddedika lill-qalbiena Ġużeppini Żebbuġin. Is-Surmast Ġeraldu Farrugia ħalla din id-dinja nhar is-17 ta’ Jannar 1987. Fil-funeral kien akkunpanjat mill-Banda De Rohan.

 

Scroll to top