Gaetano Emanuel Calì

Wara Crescimanno ssejjaħ bħala Surmast Direttur it-Taljan Gaetano Emmmanuele Calì, li dam fil-ħatra sa Frar tal-1914.
Gaetano Emanuel Calì twieled Catania fis-17 ta’ Ġunju 1885. Minn età żgħira deher li kellu ħajra għall-mużika u l-ġenituri tiegħu bagħtuh jistudja għand wieħed mill-aqwa mużiċisti u kompożituri Taljani, s-Surmast Francesco Paolo Frontini. Dan is-Surmast dlonk intebaħ li ċ-ċkejken Gaetano ma kellux biss namur għall-mużika, imma kien diġà beda juri li t-talent tiegħu ma kienx bħal ta’ oħrajn.

Kien għadu kemm għalaq is-16-il sena meta s-surmast Francesco Paolo Frontini fdah u tah jidderieġi l-opra lirika Elvira da Montefeltro opra fi tliet atti. Kitba tal-istess Surmast Gaetano Emanuel Cali.
Ma nafux eżatt meta s-Surmast Calì ġie Malta. Fis-sena 1906 iżżewweġ lill-kunċertista tal-arpa Anna Battista minn Napli nhar it-23 ta’ April. B’xorti ħażina, martu mietet ta’ età żgħira. F’Ottubru tal-1906 idderieġa l-ewwel kunċert tiegħu mal-Banda De Rohan f’Ħaż- Żebbuġ.

Is-Surmast Emanuel Calì kkompona bosta xogħlijiet mużikali f’oqsma varji fosthom mużika sagra, operetti, innijiet u marċi għall-baned. Matul it- tmien snin li għamel mal-Banda De Rohan ikkomponielha diversi marċi u innijiet però fost l-aktar popolari huwa l-Innu lil San Ġużepp u ieħor bl-isem Rohan. F’pajjiżna, is-Surmast Gaetano Emanuel Cali kellu diversi impenji fit-Teatru Rjal fil-fatt insibuh bħala Assistent Direttur tal-istess Teatru Rjal.

Dak iż-żmien kien żmien tad-deheb għall-Banda De Rohan u l-ammiraturi tagħha kienu jmorru kull fejn kienet tkun mistiedna l-banda De Rohan biex tagħti s-servizz tagħha f’diversi festi barra Ħaż-Żebbuġ. Il-mużika tas- Surmast Emanuel Cali hija mużika popolari li ħarġet mill-qalb u mill-ħila ta’ surmast hekk ħabrieki. Is-Surmast Gaetanno Emanuel Calì dderieġa l-aħħar programm mal-Banda De Rohan nhar it-22 ta’ Frar 1914.

Is-Surmast Gaetano Emanuel Cali miet fl-età ta’ 51 sena f’Sirakuża nhar l-1 ta’ Mejju 1936.

Scroll to top