Frank Galea twieled Ħaż-Żebbuġ nhar it- 23 ta’ Lulju 1945, iben Joseph u Adriana née Zammit it-tnejn minn Ħaż-Żebbuġ. Il-kbir fost tliet aħwa. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tas-sorijiet Franġiskani u fl-iskola primarja. Kompla fis-Seminarju u St. Michael College u aktar tard fl-Università ta’ Malta. Minn hawnhekk ħa d-Dipt. Ed. (Adm. & Mang.) u FLCM fil-kompożizzjoni. Is-Surmast Frank Galea żżewweġ lil Josephine xebba Camilleri u għandu żewġt itfal, Andrè u Renzo.
Is-Surmast Frank Galea ġej minn familja ta’ mużiċisti ta’ fama kbira. Fl-età żgħira ta’ 6 snin-il ġenituri tiegħu bagħtuh jistudja t-teorija tal-mużika u l-pjanu għand is-Sinjorina Maria Lourdes Bonnici. Studja l-vjolin għand Carlo Fjamingo u wara l-mewt tiegħu kompla għand Giorlando Valente. Studja ukoll il-vuċi għand Bice Ciappara, Antionette Miggiani u l-Professoressa B. Dobreva. Studja ukoll l-armonija u l-kompożizzjoni għand Carmelo Pace. Fl-età ta’ 17-il sena beda jieħu l-lezzjonijiet għand is-Surmast Ġeraldu Farrugia u wara sentejn ħareġ idoqq il-Flicorn Sopran mal-Banda De Rohan. F’Mejju ta’ 1976 is-Surmast Frank Galea beda l-karriera tiegħu ta’ surmast direttur mal-Banda De Rohan. Dam f’din il-kariga sal-1978.
Is-Surmast Galea kiteb diversi xogħlijiet mużikali “da Camera” li huma ħames quddisiet, numru ta’ motetti u Madrigali, Cantati a Cappella, kantati bl-akkumpanjament, Te Deum per Cinque voci u l-Oratorju “Simon Bolivar”. Kiteb ukoll “Arie Da Salotto” – operetta għat-tfal. Fost il-kompożizzjonijiet tiegħu għal-Banda De Rohan nsibu l-Overture “Dramatique”, l-Intermezzo “Dirgo” u Selection “It-tfal fil-Bosk”. Kiteb diversi marċi brijużi u funebri, fosthom il-marċ “Lill-Ħaddiema tan-Nar”. Ikkompona madwar 70 marċ brijużi, funebri u valzi għal diversi baned.
Fl-1972, bil-kompożizzjoni “Three Spiritual Madrigals”, rebaħ it-tielet premju fil-konkors nazzjonali mniedi għal kompożituri Maltin mis-Soċjetà Maltija tal-Arti u Kummerċ flimkien mal-Performing Rights Society ta’ Londra. Fl-1982 rebaħ l-ewwel premju fl-istess konkors bil-kompożizzjoni tiegħu “ Piccolo Concerto Per Clarinetto ed archi”.
Is-Surmast Frank Galea kien surmast direttur ukoll tal-Banda San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa bejn l-1981 u 1995 u l-ewwel surmast tal-Banda Anici ta’ Ħal-Qormi bejn l-1987 u l-1998.
Ħalla din id-dinja nhar l-Erbgħa 1 ta’ Frar. Dakinhar tal-funeral tiegħu l-Banda De Rohan kienet qed tagħti s-servizz tagħha barra minn Malta għalhekk ma setax tagħti s-sehem tagħha fil-funeral tas-Surmast Galea. Il- funeral tiegħu kien akkumpanjat mill-mass band komposta mill-bandisti tal- Banda San Pietru fil-Ktajjen u l-Banda Anici.