Andrea Borg

Is-Surmast Indrì Borg twieled il-Belt Valletta, nhar is-7 ta’ Jannar, 1818, bin Salvu u Antonia xebba Bonello. Fl-età żgħira ta’ sentejn, Indrì, b’disgrazzja tilef id-dawl t’għajnejh it-tnejn. Għalkemm laqtitu din id- disgrazzja huwa ma ħalliex dan id-difett ifixklu, kellu moħħu tajjeb kien tfajjel imħeġġeġ u fuq ruħu. Bl-għajnuna kollha ta’ missieru Salvatore u ommu Antonia qatt ma qata’ qalbu.

Minn età żgħira huwa beda jitgħallem il-mużika fuq in-noti u aktar tard għallem il- mużika billi kien iżomm f’moħħu n-noti u l-ħoss partikulari ta’ kull nota. Beda l-istudju tiegħu għand wieħed mill-aktar surmastrijiet popolari fil-Belt, Maestro Rull li kien ukoll Maestro di Capella tal-Ko-Katidral ta’ San Ġwann. Beda jitgħallem idoqq il-flawt, imbagħad wara kompla jitgħallem ukoll il-klarinett li nistgħu nqisuh bħala l-istrument preferut tiegħu. Indrì baqa’ jdoqq u jgħallem il-klarinett anki wara li kien stabilixxa ruħu bħala surmast tal-banda. Nistħajjel li ħafna jistaqsu, Imma kif kien jikteb il-mużika la darba kien għama? Mela kunu afu li s-Surmast Indrì Borg kellu metodu speċjali. Il-mużika kien jiktibha fuq lavanja li kellha l-Pentagramma, ir-rig mużikali bil- ħames linji mqabbżin biex huwa kien jista’ jħosshom b’subgħajh. Imbagħad kien jaqbad biċċiet tax-xema, li dejjem kien iżomm ħdejh, ifettilhom boċċa, boċċa ta’ daqsijiet differenti u jwaħħalhom fuq ir-rig mużikali kull fejn ikun irid iqiegħed nota skont il-melodija li jkun qed joħloq. Wara dan kien isejjaħ lil xi ħadd qribu u jqabbdu jikkopja dik il-mużika fuq il-karta.

Is-Surmast Indrì Borg kiteb jew għamel arranġament mużikali ġdid ta’ Polki, Valzi, Kwardrilji, marċi brijużi u funebri, Sonati u Innijiet, ħafna minnhom kantati minn tfal. Fost l-innijiet li kkompona hemm l-ewwel wieħed li ddedikah lil San Duminku, li ndaqq u tkanta mit-tfal nhar il-festa tal-Qaddis tal-1860 fil-Belt. Wara kkompona ukoll innijiet lil San Filep, lil San Publiju, lil San Andrija kif ukoll lil Madonna ta’ Liesse. Il-versi ta’ dawn l-innijiet, bit-Taljan, inkitbu minn Dun Ġużepp Zammit (Brighella), mill- Professur Cesare Vassallo, Antonio Crescimanno u oħrajn.
Is-Surmast Indrì Borg kien meqjus minn bosta bħala organist tajjeb u għamel isem f’dak li kellu x’jaqsam ma’ tiswijiet tal-Orgni. Jibqa’ jissemma’ għal biċċa xogħol kbira li kellu biex jerġa’ jarma mill-ġdid l-Orgni tal-Knisja Arċipretali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt.

Żgur huwa fatt li ma jista’ jiċħdu ħadd dak li kiteb l-Avukat Herbert Ganado fit-tieni volum ta’ “Rajt Malta Tinbidel” paġna 16 fuq il-baned: “… jafu ħajjithom lil dan il-pijunier” u jgħidu x’għidu “…l-ewwel noti fuq ir- ram semmagħhom lil pajjiżna dak ir-raġel għama li kien jismu Indrì”.

Fl-1848 iżżewweġ lil Maria Antonia xebba Ebejer. Kellhom tifel li semmgħuh Ġużeppi, li mexa fuq il-passi ta’ missieru Indrì. Meta tfarfar tħarreġ sew fil-mużika minn missieru u kompla jitħarreg taħt Maestro Giuseppe Malfiggiani u l-Kanonku Luigi Fenech u aktar tard laħaq surmast u jibqa’ magħruf bħala l-ewwel surmast li waqqaf il-Banda La Stella tal-Belt, illum Kings Own.
Meta xjieħ is-surmast Indrì Borg inġabar l-Imgieret (San Vincent de Paule) fejn dam residenti hemm għal diversi snin. Miet nhar il-15 ta’ Marzu 1903 fl-età ta’ 84 sena. Il-ħidma tiegħu fostna ż-Żebbuġin ġiet rikonoxxuta fl-1994 meta f’Ħaż-Żebbuġ issemmiet triq għalih – Triq Indrì Borg.

Scroll to top