Is-Surmast Orlando Crescimanno twieled L-Isla nhar 13 ta’ Frar, 1861 bin Giovanni u Michelina xebba Bonnici. Kien iż-żgħir fost ħames aħwa. Sa minn tfulitu studja l-mużika taħt Giuseppe Wolgenshafer u Antonio Nani u għal ħafna snin daqq il-vjola fl-orkestra tat-Teatru Rjal u mal-Kapelli Bugeja u Nani li kienu l-aqwa orkestri li jdoqqu fil-knejjes f’dawk iż-żminjiet.
Is-Surmast Orlando Crescimanno beda l-karriera tiegħu ta’ surmast direttur tal-baned mal-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ f’ Ottubru tal-1902, meta dderieġa programm mużikali fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ. Is-Surmast Crescimanno kien stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa surmastrijiet ta’ dak iż-żmien. Ismu jibqa’ magħruf għall-kapaċità, l-umiltà u l-paċenzja li kellu għat-tagħlim tal-mużika. Kemm dam mal-Banda De Rohan, kien jagħmel kunċerti wieħed f’ieħor u programmi fuq programmi. F’kelma waħda għolla l-livell tal-Banda De Rohan u f’qasir żmien stabbilixxa l-banda bħala waħda mill-aqwa f’dak iż-żmien. Riżultat ta’ dan, il-banda kienet qed tiġi mistiedna tesegwixxi programmi mużikali f’diversi festi madwar il- pajjiż. Il-Banda De Rohan damet taħt it-tmexxija tas-Surmast Crescimanno sas-sena 1906.
Fl-1915 meta s-surmast attwali tal-Banda De Rohan għamel xi żmien indispost id-dirigenti tas-Società Filarmonica Rohan kienu ħatru li Orlando Crescimanno bħala surmast temporanju tal-Banda De Rohan. Matul il-karriera tiegħu bħala surmast Orlando Crescimanno dderieġa erba’ baned oħra barra dik ta’ De Rohan. Dawn kienu l-Banda Unione ta’ Ħal-Luqa (1904 – 1912), il-Banda San Filep ta’ Ħaż-Żebbug (1920 – 1921), Il-Banda Vilhena tal-Furjana (1920) u l-Banda Għawdxija Leone (1911 – 1923), li meta kien surmast tagħha għamel xi żmien joqgħod Għawdex.
Fost il-ħafna kompożizzjonijiet tas-surmast Orlando Crescimanno li għamel għal Banda De Rohan u li huwa ferm għal qalb il-Ġużeppini Żebbuġin, huwa l-innu l-Kbir ta’ San Ġużepp,” Inno a San Giuseppe” li ndaqq għall- ewwel darba fil-festa ta’ San Ġużepp tas-sena 1903 akkumpanjat mill-kor tat-tfal. Dan kien l-ewwel innu kbir għal Banda li kkompona s-surmast Crescimanno.
Kompożizzjonijiet oħra tas-Surmast Crescimanno huma l-Innu tal-Banda Rohan, La Stella d’Italia, Marcia Caratteristica – 10 Settembre, Valzer – Ma Belle, u għadd ta’marċi brijużi u oħrajn funebri li jinsabu fl-arkivju tas- Soċjetà.
Fost kompożizzjonijiet oħra tiegħu nsibu l-operetta “Marchisa Nina”, sinfoniji bħal “Premier”, “Fini Concenti” u “Gli Eroi” u innijiet għal San Filep, Sant Andrija u Santa Maria fis-sema. Is-Surmast Orlando Crescimanno miet il-Ħamrun fit-22 ta’ Diċembru 1923, fl-età ta’ 62 sena.