Mro. Tancred Grech ALCM;LLCM;F.L.C.M;B.A. (Hons)
Is-Surmast Tancred Grech, twieled in-Naxxar fl-1977. Huwa beda’ jitgħallem l-Ewfonju ta’ disa’ snin taħt Mro. Lawrence Bonnici mal-Banda Peace tan-Naxxar u ħareġ idoqq għall-ewwel darba meta kellu tlettax -il sena. Wara kompla l-istudji tiegħu ma’ Dr. Philip Ciantar li ppreparah għall-eżamijiet tal-Victoria College.
Aktar tard, kompla jistudja taħt Mro Paul Borg, li flimkien ma’ Mro Lawrence Borg ippreparah għad-Diplomi tal-ALCM u tal-Liċenzjat ta’ London College of Music (LLCM). Huwa ħa wkoll lezzjonijiet tal-Armonija u Orkestrazzjoni mis-Surmast Ray Sciberras. Aktar tard kompla l-istudji tiegħu fil-Mużikoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa B.A. (Hons) fil-Mużika fl-2007, u sena wara ħa l-PGCE Diploma. Riċentament, Tancred Grech kiseb ukoll il-Fellowship mil-London College of Music (FLCM) fuq l-Ewfonju.
Huwa kellu wkoll l-opportunità li jattendi diversi Master Classes u lezzjonijiet, kemm lokali kif ukoll internazzjonali fuq l-ewfonju, fosthom ma’ Ian S. Davies u Steven Mead. Fl-1996 iddebutta bħala solist l-ewwel darba. Minn hemm baqa’ jdoqq ma’ diversi gruppi u ħa sehem f’diversi kunċerti u musicals ma’ baned u gruppi differenti bosta drabi bħala solist. Mro Grech kien ukoll mistieden idoqq ma’ baned barranin li taw kunċerti f’pajjiżna.
Mro Grech kien għalliem f’diversi każini lokali, u preżentament huwa s-Surmast Direttur u għalliem tar-ram mal-Banda De Rohan, kif ukoll mas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema ġewwa l-Imġarr u l-Assistent Direttur u għalliem tar-ram mal-Banda Beland taż-Żejtun. Huwa nħatar għalliem tas-sezzjoni tar-ram fl-2014 ġewwa s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp tal-Ħamrun fejn fil-2017 ġie maħtur ukoll bħala Assistent Direttur fejn żamm din il-kariga sa April tal-2019. Riċentement ġie maħtur ukoll bħala għalliem mas-Soċjetà Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, mas-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat u kif ukoll mal-Banda Ċittadina King’s Own tal-Belt Valletta.
Huwa għalliem tal-ICT u l-Mużika fil-Kulleġġ ta’ Stella Maris, il-Gżira. Mro Grech huwa miżżewweġ lil Katya u għandhom żewġt itfal, Matthias u Ema.